Fl-aħħar sigħat il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ikkomunikat direttivi industrijali mal-membri tagħha fid-dawl tal-miżuri l-ġodda tal-COVID-19 li ħarġu fl-aħħar jiem.
Id-direttivi huma indirizzati lejn infermieri u qwiebel, li huma ġenituri u li għandhom it-tfal li mhux se jkollhom skola mit-Tnejn li ġej.
Skont il-komunikazzjoni tal-MUMN, dawn l-infermieri u qwiebel, li se jkollhom diffikultà ma’ min se jħallu lit-tfal, issa jistgħu ma jmorrux għax-xogħol.
L-infermieri u qwiebel kienu spiċċaw f’sitwazzjoni simili f’Settembru li għadda, meta ftit li xejn sabu għajnuna u soluzzjonijiet mill-Gvern. Il-problema issa hija ikbar għaliex bħalissa, bis-sitwazzjoni tigrava, hemm bżonn ta’ ħafna aktar infermieri u qwiebel fl-isptarijiet u l-kliniċi madwar pajjżna.
Madanakollu, infermieri u qwiebel li huma ġenituri, tħallew mingħajr ebda soluzzjoni dwar min jista’ jieħu ħsieb lit-tfal u jgħinhom waqt tagħlim online u allura ma jifdal ebda soluzjoni ħlief li ma jidħlux għax-xogħol sa ma jerġgħu jiftħu l-iskejjel jew sa ma tinstab soluzzjoni għal din il-problema.
S’issa l-Gvern għadu ma kkomunika ebda soluzjonijiet għal problemi li se jġibu magħhom l-għeluq tal-iskejjel u ċ-childcare centres madwar Malta u Għawdex. Il-ġenituri għadhom fid-dlam dwar dan kollu.
//= $special ?>