Il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni ma sabet ebda evidenza ta’ korruzzjoni jew tixħim fil-mod kif l-Enemalta kienet tat lill-BWSC il-kuntratt ta’ €200 miljun għall-estensjoni tal-power station ta’ Delimara.
Storja ppubblikata minn Times tgħid li l-investigazzjoni dwar dan id-deal bdiet fl-2010 wara storja li dehret fil-Orizzont. Il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi kien talab lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika sabiex jinvestiga jekk il-proċeduri tal-akkwist tal-offerti kinux imxew mar-regolamenti regolari.
Il-Kummissjoni qalet li filwaqt li l-NAO investigat il-kwistjoni skont it-termini ta’ referenza mogħtija, il-Kummissjoni kellha tħares lejn it-talbiet minn perspettiva legali u tara jekk kienx hemm prova ta’ korruzzjoni fil-mod kif ingħatat l-offerta.
L-awditur kien ikkonkluda li ma kien sab l-ebda evidenza ta’ korruzzjoni fil-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti fl-għażla tal-impjant għall-estensjoni tal-impjant tal-enerġija ta’ Delimara.
Madankollu, huwa kien ilmenta dwar nuqqas ta’ kooperazzjoni minn ċerti partijiet interessati li sostnew li ma setgħux ifakkru ċerti avvenimenti jew informazzjoni.
Fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni qalet ukoll li ma sabet ebda evidenza li kien hemm flus li ġew skambjati kif kien qed jiġi allegat jew li dan kien jinvolvi xi uffiċjal pubbliku jew politiku.
L-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni kienet bdiet minn email li kienet intbgħatet fejn fiha xi ħadd fl-Enemalta qal li l-kwistjoni kellha tiġi investigata.
Il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm ebda evidenza ta’ verita f’din l-email. Dan kollu juri li l-Partit Laburista kien ibbaża l-informazzjoni tiegħu fuq sempliċi email li ma kien fiha ebda evidenza.
//= $special ?>