Il-futbol Malti, bħal kwalunkwé attivitá sportiva oħra f’pajjiżna, jinsab wieqaf minħabba l-avviż legali li ħareġ il-Gvern, nhar l-Erbgħa li għadda, bħala parti mill-miżuri biex jonqos it-tixrid tal-COVID-19. Din il-waqfa hi skedata sa nhar il-Ħadd, 11 t’April, u wara dak in-nhar, ikun deċiż, sintendi mill-awtoritajiet tas-saħħa u l-Gvern, jekk dan l-avviż legali ikunx estiż jew le. Iżda l-programmi sportivi, l-aktar popolari fuq it-televiżjoni Maltija, Replay fuq Net Television, mhux se jieqfu. Se jibqgħu għaddejin skont l-iskeda, b’kontenut attwali u b’diskussjoni li tkompli toħloq interess, bl-istess mod ta’ kif kien sar, bħal dan iż-żmien sena, meta d-dilettanti tal-futbol lokali kienu esperjenzaw l-istess sitwazzjoni, iżda b’aktar inċertezza. Dak in-nhar, il-programmi Replay fuq it-televiżjoni lokali, kienu l-uniċi li baqgħu għaddejin mingħajr waqfin, minn fost il-programmi kollha dwar il-futbol lokali f’Malta.
Għaldaqstant minn din it-tmiem il-ġimgħa, iġifieri mill-lejla l-Ġimgħa filgħaxija, ‘Replay Preview’ se jkun qed iżomm l-appuntament tiegħu bħas-soltu, b’kontenut attwali fejn se nkomplu niddiskutu l-Kampjonat Premier, b’serviżżi interessanti u esklussivi. Dan għaliex it-tim ta’ Replay se jkun qed jaħtaf din l-opportunitá sabiex f’dan il-programm tal-Ġimgħa filgħaxija, tkompli l-analiżi riċerkata, b’statistika bin-numri, ta’ dak li seħħ sa issa f’dan il-Kampjonat Premier. Fil-fatt, f’Replay Preview tal-lejla, se nkunu qed naraw il-gowls kollha miġbura flimkien tal-aqwa tliet skorers s’issa tal-Kampjonat. Dawn huma Kevin Ante Rosero ta’ Santa Lucia, Bojan Kaljevic ta’ Mosta u Franklin Sasere ta’ Ħarun Spartans.
Apparti li jintwerew il-gowls ta’ dawn it-tliet plejers barranin ta’ tliet klabbs differenti, Christian Micallef se jkun qed jagħmel analiżi tal-prestazzjonijiet individwali ta’ dawn il-plejers rispettivi, b’statistika apposta u mill-aktar interessanti. Bl-istess mod, mill-lejla, f’Replay Preview se nkunu qed naħtfu l-opportunitá li naraw liema huma dawk il-plejers, f’diversi posizzjonijiet differenti tal-pitch, li qed ikollhom staġun tajjeb u fost l-aqwa mhux biss fl-iskwadra rispettiva tagħhom iżda anke minn fost il-plejers tat-timijiet kollha fir-rwol li huma qed jilgħabu fiħ. Per eżempju llejla se nkunu qed nanaliżaw il-prestazzjonijiet pożittivi li qed ikollu d-difensur ċentrali Għawdxi ta’ Hibernians, Ferdinando Apap li meta mqabbel ma’ plejers oħra fl-istess posizzjoni tiegħu, qed ikollu valutazzjoni bin-numri li juru li qed ikun fost l-aħjar difensuri f’dan il-Kampjonat Premier.
L-istess se nkunu qed nagħmlu fir-rwol ta’ midfielder difensiv, fejn se nkunu qed naraw u nanaliżżaw il-valutazzjoni f’diversi attribitwi tal-logħba, tal-Brażiljan ta’ Ħamrun Spartans, Emerson Marcelina. Anke dan il-plejer qed ikollu staġun tajjeb mal-leaders tal-Kampjonat Premier, u dan wara li reġa’ irritorna jilgħab f’pajjiżna għaliex l-istaġun li għadda kien qed jilgħab f’Għawdex ma’ Nadur Youngsters.
Apparti minn hekk, f’Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija se nkunu qed inwasslu aktar servizzi mill-arkviji ta’ Replay, fosthom mir-rubriki tant popolari u segwiti, ‘Eku tal-Passat’ u ‘X’Sar Minnhom?’.
Fiż-żewġ programmi l-oħra ta’ Replay u li jixxandru l-Ħadd filgħaxija fuq Net Television, il-kontenut se jinbidel biss f’dawn il-ġimgħat fir-rigward tal-ewwel programm, ‘Replay Live Score’ li jibda fit-8:30pm u jibqa’ sejjer sal-ħin tad-9:10pm. La darba l-futbol Malti se jkun wieqaf, il-produzzjoni tal-programm se tkun qed tiddedika l-kontenut ta’ dan il-programm qasir u mexxej, iżda tant informattiv, b’round-up tal-gowls kollha mill-partiti kollha tal-Kampjonati ewlenin fl-Ewropa; primarjament l-Ingiltera, l-Italja, Spanja, Ġermanja u Franza.
Wara, għall-ħabta tad-9:10pm, se tkun qed tkompli d-diskussjoni bħal kull nhar ta’ Ħadd filgħaxija, bis-sehem tal-mistieden residenti ta’ Replay, Konrad Sultana u d-diversi mistiedna dwar l-attwalitá tal-futbol Malti.