Lokali

“Il-Prim Ministru għandu ħafna x’jispjega” – Bernard Grech

Robert Abela għandu ħafna x'jispjega wara x-xhieda li ngħatat fil-Qorti u li timplika politiċi Laburisti fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech stqarr li l-Prim Ministru Robert Abela ma qalx il-verità meta sostna li m’hemmx politiċi implikati fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Bernard Grech qal dan f’intervista mas-sit illum.com.mt li se tkun ippublikata b’mod sħiħ nhar il-Ħadd li ġej fil-gazzetta ‘Illum’.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal dan meta kien qed jispjega kif l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-eks Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona qed jasslu minn Vince Muscat li ngħata l-proklama biex ikun xhud tal-istat. Bernard Grech spjega li biex ingħata l-Maħfra Presidenzjali, Muscat ingħata kredibiltà u allura qed nagħtu kas x’qed jgħidilna.

Fl-aħħar ġimgħat Vince Muscat magħruf bħala ‘il-Koħħu’ għamel allegazzjonijiet serji fuq l-eks Ministru Laburista Chris Cardona b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

“Għaliex Robert Abela ġera daqshekk biex iserħilna rasna li ma hemmx politiċi jew eks politiċi li huma implikati?” staqsa Grech. Dan meta, taħt ġurament, Vince Muscat tkellem b’mod ċar ħafna. Il-Kap tal-PN saħaq li l-verità jafa min wettaqa pero l-implikazzjoni serja qegħda hemm.

Bernard Grech qal li l-Prim Ministru għandu ħafna x’jispjega wara x-xhieda li ngħatat fil-Qorti li timplika politiċi Laburisti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Hu staqsa għalfejn il-Prim Ministru qal li m’hemmx politiċi implikati. “X’interess għandu l-Prim Ministru li jiddefendi lil xi ħadd f’dan il-każ?”, temm jgħid il-Kap tal-PN.

L-intervista kollha mal-Kap tal-PN Bernard Grech se tkun ippubblikata nhar il-Ħadd li ġej fil-gazzetta ILLUM.