Coronavirus Lokali Saħħa

Imutu 5 persuni – 329 każ ġdid tal-Covid-19

Fost il-vittmi hemm raġel ta' 38 sena u mara ta' 47 sena.

Ikomplu jiżdiedu l-każi attivi. 18-il mewta fl-aħħar 7 ġranet. Rekord ta’ 2,098 każ fl-aħħar ġimgħa. L-imwiet f’pajjiżna issa telgħu għal 346.

Din hija s-sitwazzjoni preżenti tal-Covid-19 f’pajjiżna hekk kif bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa nstabu 329 każ ġdid tal-Coronavirus, filwaqt li fiequ 259 persuna mill-virus.

L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li fl-aħħar sigħat mietu ħames persuni – tliet irġiel u żewġ nisa. Żewġ irġiel ta’ 73 u ta’ 38 sena u mara ta’ 85 mietu l-isptar Mater Dei. Raġel ta’ 62 sena u mara ta’ 47 sena mietu fid-dar tagħhom.

It-total tal-każijiet s’issa hu dak ta’ 25,969 filwaqt li l-ammont ta’ persuni li fiequ huwa 22,435.

108,971 irċivew l-vaċċin, filwaqt li minn dan it-total 36,246 irċivew it-tieni doża.

Tul il-konferenza tal-aħbarjiet il-Professur Charmaine Gauci qalet li l-persuni vulnerrabli għadhom qed jirċievu t-tilqim.

Bħalissa fl-isptarijiet jinsabu 245 persuna. 34 persuna jinsabu fl-ITU. 29 persuna jinsabu fl-ITU ta’ Mater Dei filwaqt li 5 persuni jinsabu fl-ITU ta’ Għawdex.

Is-supridentent tas-saħħa qalet li ħafna mill-każijiet qed ikunu f’etajiet bejn 15 u 49 sena.