Internazzjonali

Ir-Russja: Alexei Navalny jitmexxa lejn lokalità mhix magħrufa

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Russa Alexei Navalny – li hu wkoll l-akbar avversarju politiku tal-President tar-Russja, Vladimir Putin – spiċċa trasferit lejn lokalità mhix magħrufa f’dan il-pajjiż.

It-trasferiment seħħ mill-ħabs ta’ IK-2 fir-reġjun ta’ Vladimir (lejn il-majjistral ta’ Moska) u wieħed mill-avukati ta’ Navalny, fl-aħħar sigħat, qal li ‘hu (Navalny) ma kienx hemm (fil-ħabs partikulari)’ meta mar biex jarah. L-avukat kompla li l-awtoritajiet, wara, infurmawh biss li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien ‘ittieħed f’post ieħor’.

Matul ix-xahar li għadda Navalny kien tmexxa mill-ħabs ta’ Moska lejn Vladimir biex jiskonta sentenza ta’ sentejn u nofs priġunerija. Dan waqt li l-Punent ikkundanna s-sentenza ta’ Navalny bħala ‘verdett xprunat mill-aġenda politika tal-Kremlin’.

Sadanittant, Vadim Kobzev, wieħed mill-avukati ta’ Navalny, qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Russu ‘kien qed jidher b’saħħtu’ waqt l-aħħar żjara li għamillu l-ħabs u qabel it-trasferiment eventwali tal-istess Navalny.

Persuni qrib l-awtorità Russa li tirregola l-kumplessi tal-ħabs fil-pajjiż qalu, tard ilbieraħ, li huma ma setgħux jiżvelaw informazzjoni dwar il-lokalità ‘ġdida’ ta’ Alexei Navalny minħabba ‘liġijiet li jipproteġu d-data personali tal-individwu.’

Navalny, li għandu 44 sena, kien spiċċa arrestat f’Jannar mar-ritorn lura pajjjiżu mill-Ġermanja u fejn kien dam ix-xhur jingħata trattament għall-ivvelenar b’sustanza li ‘tattakka lin-nervatura tal-ġisem’. L-awtoritajiet f’Moska, intant, dejjem ċaħdu għal sehem f’dan l-attakk fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Russu.