Internazzjonali

It-Turkija terġa’ tintroduċi l-kuntatti diplomatiċi mal-Eġittu

It-Turkija qed tistabbilixxi mill-ġdid il-kuntatti diplomatiċi mal-Eġittu u qed tittama li, ‘il quddiem, iżżid il-kooperazzjoni mal-Kajr fuq kunċett bilaterali. L-uffiċjali f’Ankara laqgħu tajjeb l-iżvilupp wara snin ta’ tensjoni li jmorru lura għal meta l-Armata tal-Eġittu, fl-2013 qaċċtet lill-eks-President Eġizzjan Musulman, Mohamed Mursi, li kien elett b’mod demokratiku u li kien ukoll alleat tal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan.

Kwalunkwe pass lejn l-avviċinament tal-Eġittu u t-Turkija – li għandhom influwenza kbira fil-Lvant Nofsani – kapaċi jkollu riperkussjonijiet sinifikanti madwar ir-reġjun. Dan għaliex il-Gvernijiet f’Ankara u l-Kajr ilhom jinsistu biex jinfluwenzaw l-iżviluppi fid-diversi zoni delikati tal-Lvant Nofsani. Fl-istess ħin, it-Turkija u l-Eġittu jinsabu fuq in-naħat opposti ta’ tilwima marittima fir-reġjun tal-Mediterran.

Il-kuntatti ġodda bejn dawn il-pajjiżi, għalissa, mhumiex ‘fl-ogħla livell’ u t-Turkija, issa, ipproponiet laqgħa mar-rappreżentanti tal-Kajr bil-għan li jiddiskutu ‘il-kooperazzjoni’ fil-jiem li ġejjin.