Wara li lbieraħ kien rappurtat li persuna Awstrijaka żviluppat trombożi multipla wara li ħadet il-vaċċin minn batch bin-numru ABV5300 u spiċċat tilfet ħajjitha għaxart ijiem wara, l-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin talbu d-direzzjoni tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini dwar l-użu ta’ dan il-vaċċin.
L-Awtorità tal-Mediċini rrakkomandat li l-programm ta’ vaċċinazzjoni tal-AstraZeneca jissokta kif pjanat. Dan fid-dawl li l-Awtorità Ewropea għall-Mediċini saħqet li m’hemm ebda indikazzjoni li l-vaċċin kien il-kawża tal-kumplikazzjonijiet tas-saħħa rrappurtati fl-Awstrija, anke għaliex il-kumplikazzjonijiet tas-saħħa rrappurtati mhumiex imniżżla bħala side effects tal-vaċċin.
Bħala fatt ukoll il-konsenja partikolari li saret referenza għaliha intużat f’pajjiżna numru ta’ ġimgħat ilu. Filwaqt li m’għadx fadal vaċċini ta’ dan il-batch x’jintużaw f’pajjiżna, l-Awtoritajiet tas-Saħħa ma rċivew l-ebda rapport ta’ reazzjonijiet minn dawn il-persuni li tlaqqmu mill-batch in kwistjoni.
Filwaqt li l-Awtoritajiet tas-Saħħa qegħdin isegwu s-sitwazzjoni mill-qrib, jisħqu li ma hemmx lok ta’ allarm għall-pazjenti li rċivew il-vaċċin minn din il-konsenja.
//= $special ?>