Permezz ta’ stqarrija, l-għaqda Repubblika qalet li tinsab xxukkjata bix-xhieda li ħarġet fil-Qorti b’rabta mal-każ dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
“Din ix-xhieda turi kif uħud mill-ogħla uffiċjali tal-Gvern Malti, membri fl-ogħla gradi tal-Pulizija u kriminali għenu lil xulxin sabiex tkun maqtula Daphne Caruana Galizia u biex l-investigazzjonijiet ikunu imfixkla”.
L-għaqda Repubblika qalet li dwar l-għaġġla li kien hemm biex Daphne Caruana Galizia tinqatel qabel ma hi tilħaq “toħroġ storja kbira”, kollox qed jindika li hija l-istorja tal-Electrogas u power station, deskritta mill-għaqda bħala “mimlija korruzzjoni”.
Sa mill-bidu tagħha, Repubblika qalet li ilha tissieltet biex issir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia u mal-familja tagħha kif ukoll biex tinħareġ il-verità kollha.
Repubblika infatti għalqet billi nsistiet li l-Prim Ministru Robert Abela għandu l-obbligu morali li ma jibqax jopponi biex issir inkjesta pubblika u indipendenti dwar l-Electrogas.
//= $special ?>