Internazzjonali

L-Italja tħejji għal lockdown fiż-żmenijiet tal-Għid

L-Italja se tkun suġġetta għal lockdown nazzjonali ġdid bejn it-3 u l-5 ta’ April u fi żmien iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid li jagħlqu l-Ġimgħa Mqaddsa

F’dan il-perjodu se jkunu jistgħu jiftħu biss il-ħwienet essenzjali, bin-nies iridu bilfors jibqgħu d-dar ħlief għal raġunijiet ta’ xogħol inkella f’każ ta’ emerġenzi tas-saħħa.

L-abbozz tad-digriet relevanti juri li min-nhar it-Tnejn, se jkunu ristretti l-movimenti bejn l-ibliet f’diversi bnadi tal-Italja – bil-bars u r-ristoranti se jagħlqu madwar il-pajjiż.

Numru ta’ reġjuni, fosthom il-Lombardija fit-Tramuntana u Kalabarija fin-nofsinar tal-Italja se jissieħbu ma’ bnadi oħra dikjarati bħala ‘zoni ħomor’ fejn l-element tas-sogru qed jitqies bħala l-ogħla fil-pajjiż.

Il-Gvern Taljan qed jagħmel li jista’ biex irażżan mewġa ġdida ta’ infezzjonijiet u meta l-pajjiż għadu kemm irrapporta kważi 26,000 każ ieħor tal-Covid-19 u 373 mewta f’perjodu speċifikat ta’ 24 siegħa.