Wara li ġimgħa ilu l-Kummissarju tat-Taxxi Interni Marvin Gaerty kien ta x-xhieda tiegħu fl-inkjesta pubblika huwa kompla jixhed quddiem il-Bord li ordna li x-xhieda tiegħu tingħata bil-magħluq.
Qabel ma beda jixhed Gaerty talab lill-Bord tal-Inkjesta biex iżomm is-seduta bil-bibien magħluqa. Dan peress li qal li se jkun qed jixhed dwar kumpaniji u individwi partikolari li dwarhom għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet.
Xogħol il-Bord ta’ Inkjesta li issa riesqa lejn tmiema, huwa biex jara jekk setax sar xi ħaġa biex tippreveni l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Sadanittant il-Bord immexxi mill-eks Imħallef Michael Mallia, l-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro stieden lil dawk li jixtiequ jagħmlu sottomissjonijiet quddiemu, biex jagħmlu dan sal-aħħar ta’ Marzu 2021.
Dwar it-talba biex Gaerty biex jixhed bil-magħluq, l-Avukat Therese Comodini Cachia qalet li wħud mill-individwi ndikati diġa ssemmew. L-eks Prim Imħallef Said Pullicino innota li hemm element ta’ interess pubbliku.
Comodini Cachia qalet li ħafna min-nies u l-informazzjoni li se jixhed dwarha Gaerty diġà tinsab fid-dominju pubbliku, u hawn rreferiet għal Konrad Mizzi u Keith Schembri li ddikjaraw li m’hemmx investigazzjonijiet dwarhom.
Il-Kummissarju tat-taxxa qal minn naħa tiegħu li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u għalhekk mhux sew li jiġu żvelati fil-midja. Kien hawn li l-ġurnalisti ntalbu joħorġu barra mill-awla. Il-midja ġiet infurmata li m’hemmx seduti li se jsiru fil-futur qarib.
Meta Gaerty deher quddiem il-Bord qal li hu qatt ma aċċetta rigali jew stediniet biex jiekol ma’ Yorgen Fenech, iżda żvela li Yorgen Fenech kien offrielu xogħol.
Qal li hu qatt ma aċċetta l-offertà u qal li kieku ried jaħdem fis-settur privat, ilu li għamel hekk. Huwa ammetta li fuq il-ħbiberija li kellu ma’ Fenech qabeż il-linja u żbalja.
Huwa kien qal ukoll li ma ngħatax l-eżenzjoni mill-Prim Ministru biex ikun jista’ jixhed fl-inkjesta pubblika, bl-Avukat tal-Istat Chris Soler ma jaqbilx ma din l-asserzjoni u tenna li l-Bord ta’ Inkjesta għandu dritt isejjaħ lil Gaerty u jordnalu jixhed.
Gaerty kien interrogat mill-Pulizija u minkejja li tliet ġimgħat ilu ma baqax fuq ‘police bail’ xorta waħda għadu taħt investigazzjoniji. Huwa kien ġie interrogat b’rabta ma’ ‘chats’ li kellu man-negozjant Yorgen Fenech li huwa wieħed mill-erba’ persuni akkużati b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Gaerty, kien ġie imsejjaħ mill-Pulizija fis-Sezzjoni tar-Reati Ekonomiċi u fi żmien il-Milied il-Pulizija żammitu taħt interogazzjoni għal 12-il siegħa sħaħ waqt li saru tfixxijiet kemm fir-residenza tiegħu kif ukoll fil-binja tad-Dipartiment tat-Taxxa fil-Floriana Il-Kap tat-taxxa kien kkonfrontat dwar messaġġ li bagħtilu Yorgen Fenech.
//= $special ?>