Lokali Qorti

Missier akkużat li qatel lil ibnu jinħeles mill-arrest

Raġel akkużat bil-qtil ta’ ibnu, Antoine Dalli, ingħata l-libertà proviżorja wara li qatta’ tmien xhur fil-kustodja tal-Pulizija, wara li sab terza persuna biex taġixxi bħala garanti.

Salvu Dalli ta’ 68 sena qed jiġi akkużat bl-omiċidju volontarju ta’ ibnu Antoine ta’ 37 sena f’Awwissu li għadda. Antoine miet b’tir ta’ senter tal-kaċċa f’żaqqu, allegatament sparat minn missieru.

Jidher li huma kienu nvoluti f’argument wara li t-tifel kien ipprova jieħu l-flus ta’ missieru biex jiffinanzja l-vizzju tad-droga tiegħu. Meta tressaq il-Qorti l-Avukat ta’ Salvu Dalli kien qal li l-klijent tiegħu kien qatta perjodu fl-isptar mentali f’Mount Carmel,

Il-Qortri preseduta mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia kienet laqgħet it-talba għal libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’  €30,000 u dan billi jsib tliet persuni li kull wieħed jagħmlu garanzija personali ta’ €10,000 kull wieħed.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera nnutat li l-avukat tar-raġel, Lennox Vella, kien informa lill-Qorti li nstabu garanti xierqa. Għalhekk ordnat li r-raġel jinħeles mill-kustodja tal-pulizija.

Huwa kien ordnat ukoll li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa, kull nhar ta’ Tlieta, il-Ħamis u l-Ħadd fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq u li ma jersaqx lejn Ħal-Għaxaq sakemm jixhed xhud importanti fil-każ.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Roderick Attard. L-Avukati Kathleen Calleja Grima, Franco Debono u Franceca Zarb qegħdin jidhru għall-familja tal-vittma. Il-ġbir tal-provi fil-konfront ta’ Salvu Dalli se jkomplu jinstemgħu l-Erbgħa, 17 ta’ Marzu.