Internazzjonali

Olanda: Sinjali pożittivi għal Rutte qabel l-elezzjoni

(Ritratt: EPA)

L-elettorat fl-Olanda mistenni jagħti mandat ġdid ta’ poter ( fuq erba’ snin) lill-Partit VVD (konservattiv) tal-Prim Ministru Mark Rutte, u ladarba l-poplu jivvota fl-elezzjoni nazzjonali li se ssir bejn il-15 u s-17 ta’ Marzu. Dan ħareġ mill-aħħar stħarriġ popolari u meta l-elezzjoni, fil-parti kbira, qed titqies bħala referendum dwar kif il-Gvern mexxa lill-pajjiż waqt il-pandemija tal-Covid-19.

Il-maġġoranza tal-votanti qed jappoġġjaw il-lockdown attwali fil-pajjiż meta r-rata ‘lokali’ tal-infezzjoni bil-Covid-19 hi stabbilita mal-31 għal kull 100,000 — u li tpoġġi lill-Olanda ‘fin-naħa ta’ fuq tal-lista’ tal-Istati Ewropej li qed ibatu l-agħar konsegwenzi tal-virus.

Fl-Olanda għadu effettiv l-ewwel curfew ta’ bil-lejl miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra u l-elezzjoni se titqassam fuq tlett ijiem biex l-awtoritajiet jaċċertaw li tinżamm id-distanza soċjali fil-postijiet tal-votazzjoni.