Futbol Sport Sport Ieħor

Possibilità li Malta tilgħab il-partita kontra r-Russja f’pajjiżna minkejja li l-isport kollu jinsab sospiż

(Ritratt: Dominic Aquilina/MFA)

Wara li minn nhar l-Erbgħa ġie sospiż b’mod immedjat l-isport kollu f’pajjiżna sal-11 ta’ April bħal parti mill-miżuri restrittivi sabiex titrażżan il-pandemija tal-COVID-19, jidher li għaddejjijn diskussjonijiet bejn l-MFA u l-Awtoritajiet tas-Saħħa, biex ikun hemm eċċezzjoni għall-ewwel partita mir-round ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022 li t-tim Malti tal-futbol se jilgħab home kontra r-Russja.

Din il-partita hi skedata għal 24 ta’ Marzu u jidher li skond il-legal notice, is-Supritendent tas-Saħħa Profs. Charmaine Gauci tista’ tiddeċiedi li tħalli timijiet internazzjonali jilgħabu f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali u neċessarji bħal partita internazzjonali.

Jidher li din l-aħbar qajmet rabja minn atleti li jipprattikaw sport ieħor anke fuq bażi individwali hekk kif bosta atleti bħalissa kienu qed jitħarrġu għall-kompetizzjonijiet internazzjonali li huma skedati fix-xhur li ġejjin u li skond il-legal notice, dawn ukoll kellhom iwaqqfu t-taħriġ normali tagħhom.