Gega Gurgenidze mill-Georgia ġie kundannat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li daħal f’residenza f’Marsaxlokk meta l-koppja kienet imsiefra u minnha seraq diversi oġġetti fosthom ġojjellerija u flus.
Il-valur tas-serq jammonta għal eluf ta’ ewro. Huwa nstab ħati wkoll li saq b’mod traskurat u perikoluż meta l-Pulizija kienet qed isegwih. Gurgenidze li dalwaqt joħroġ mill-ħabs minħabba li jrid jitnaqqas il-perjodu ta’ arrest preventiv dwar dan il-każ mistenni jappella mis-sentenza.
Iż-żagħżugħ li għandu 24 sena intlemaħ mill-Pulizija fl-20 ta’ Ġunju li għadda jagħmel ‘U-Turn’ kerha fil-Marsa u jsuq meta id-dawl kien fuq l-aħmar. Quddiem il-Maġistrat Mars-Anne Farrugia ħareġ ukoll li l-Pulizija baqgħu jsegwuh sakemm qabduh f’Santa Venera.
Fit-tfittxija fil-karozza, l-Pulizija sabu flus kontanti li kienu jinkludi dollari, muniti Żvizzeri, baskett bi ħwejjeġ tad-ditta u anke fwejjaħ. Gurgenidze kien l lill-Pulizija li l-fwieħa li nstabet fil-karozza tiegħu kienet tiegħu, rigal mingħand martu.
Fl-20 ta’ Gunju 2019 għall-ħabta tal-10.05pm, il-Pulizija irċiviet rapport ta’ serqa bil-vittmi jgħidu li għall-habta tad-9.35pm permezz tal-webcam fir-residenza ntlemħu żewġ persuni mhux maghrufa minn fuq il-mowbajl ġewwa d-dar.
Il-Pulziija marret fejn kien mar fuq il-post it-tifel tal-koppja. Il-ħallelin ma ndunawx mill-ewwel li fir-residenza kien hemm żewġ webcams. Meta ndunaw bihom, qalgħuhom. Il-footage li laħaq inġibed ġie storjat fil-cloud, u iben il-koppja iddowloadjah u għaddieh lil Pulizija.
Minn dan i-footage ittiehħed still ta’ wicc wieħed mill-hallelin. Sussegwentement, irriżulta li gew misruqa b’kollox l-ammont ta’ 8000 Dollaru American (madwar €7475), diversi biċċiet ta’ deheb li jammontaw ghal madwar €7,000, madwar 100 Franc Żvizzeru inklużi muniti, u żewġ fliexken tal-fwieħa ta’ żewġ ditti stabbiliti
Inzerta li fil-21 ta’ Awissu 2019 għal ħabta tal-11.45am, l-Ispettur Shawn Pawney flimkien mas-Surġent Andrew St. John kienu qieghdin fl-inhawi tas-Sea Passenger Terminal tal-Virtu Ferries fil-limiti tal-Marsa. Huma innotaw vettura tal-għamla Fiat Idea sewda bin-numru ta’ registrazzjoni Taljan.
Huma diġa kellhom informazzjoni li din il-vettura setgħet kienet involuta f’xi każijiet ta’ serq minn djar. Għalhekk huma segwew din il-vettura b’mod diskret. Meta waslu fl-inħawi tal-junction tac-ċimiterju tal-Addolorata, din il-vettura saqet b’veloċità eċċessiva minn fuq it-traffic lights li kienu ħomor, u daret f’daqqa ghall-karreġġata l-oħra fuq in-naħa tal-lemin.
Huma baqghu isegwuh, sakemm finalment waqqfu l-karozza f’parkeġġ ta’ Supermarket f’Tas-Sliema. Ix-xufier ta’ din il-vettura irriżulta li kien Gurgenidze, li ġie arrestat kemm minħabba is-sewqan tiegħu kif ukoll minhabba suspetti li seta’ kien involut f’xi każijiet ta’ serq.
Fit-tfittxija li saret fil-vettura li kien qed isuq nstabu flus, bħal Dollari, xi muniti Francs Svizzeri u żewġ fliexken fwieħa, li l-Pulizija immedjatament issuspettaw li setgħu kienu relatati mas-serqa minn Marsaxlokk.
Ġie elevat ukoll il-mobajl tiegħu. Il-Pulizija baghtu għall-vittma tas-serqa, u dan għaraf il-fwieħa, il-muniti Francs Svizzeri u il-flus dollari fost l-oġġetti li nsterqu mir-residenza tiegħu.
L-imputat innega l-allegazzjonijiet kollha u fl-istqarrija qal li huwa ġie Malta biex jistudja l-Ingliż u biex jieħu vaganza. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia qalet li dak li allegat il-prosekuzzjoni li fil-ġurnata ftit qabel seħħet is-serqa, l-imputat kien fl-inħawi ta’ Marsaxlokk ġie ppruvat.
Mill-lokaliżazzjoni tal-mobajl tiegħu jirriżulta li l-imputat kien fil-post fl-14 ta’ Gunju 2019 bejn is-7:14pm. u d-8:50pm.. Il-Qorti qalet li l-‘location data’ ma tiġix irreġistrata fis-SIM card, kif allegat id-difiża, iżda tkun irregġstrata ghand is-service provider, f’dan il-każ il-Vodafone, għax huwa iżomm record ma’ liema ‘repeater’ ikun mqabbad mobajl partikolari, u mill-post fejn ikun ġie installat ir-repeater ikunu jafu il-massimu taż-żona li mobajl partikolari ikun jinsab f’ġurnata u ħin partikolari.
L-imputat xehed li l-vettura li huwa kien juża ġieli kienet tintuża minn ħaddiehor kif ukoll l-istess mobajl huwa ta’ ħuh u li ġieli ħallieh fil-vettura. Pero, apparti x-xhieda tiegħu, l-Qorti qalet li l-imputat ma ġabx l-iċken prova sabiex jipprova jikkorrobora din ix-xhieda tiegħu.
Il-Qorti qalet ukoll li minkejja li fl-istqarrija u x-xhieda tiegħu l-imputat qal li ma jafx fejn hu Marsaxlokk, u ma jafx li mar hemm, hija ma tqisx lill-imputat kredibbli.
Dan minħabba li jirriżulta mill-provi, li huwa jiġi Malta regolament, prattikament ilu jgħix Malta minn tal-inqas Diċembru tal-2018. Il-ġeografija ta’ Malta jafha sew, kif irriżulta mix-xhieda tal-Ispettur Shawn Pawney u s-Surġent Andrew St. John dwar is-sewqan tieghu u l-location data tal-mobajl tiegħu tagħti stampa ċara tal-postijiet li kien jiffrekwenta.
Ghalhekk il-fatt li l-mobajl tiegħu nqabad għal aktar minn siegħa u nofs Marsaxlokk fl-14 ta’ Ġunju 2019 jista’ biss ifisser li huwa kien ukoll Marsaxlokk dak il-ħin.
Il-Qorti qalet ukoll li l-imputat lanqas gab l-iċken prova li xi ħbieb tiegħu setgħu ħadulu l-karozza bil-mobajl fiha u marru Marsaxlokk, kif allega li seta’ ġara fix-xhieda tiegħu.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li barra minn hekk il-fatt li meta fil-21 ta’ Awwissu, 2019, huwa nduna li qiegħed jiġi segwit minn vettura tal-Pulizija, għax anke xegħlu l-beacon light fuq is-saqaf, huwa għamel minn kollox biex jiżgiċċa u jaħarbilhom, u l-fatt li pparkja fi spazju ta’ parkeġġ ta’ Supermarket biex ma jsibuhx, jista’ biss ifisser li l-imputat kellu l-faħam miblul.
Il-Qorti qalet li hija konvinta lill ’hinn minn kull dubju raġonevli li l-imputat huwa ħati. Dwar sewqan perikoluż, il-Qorti qalet li fix-xhieda tagħhom l-uffiċjali tal-Pulizija qalu li l-imputat għadda minn fuq it-‘traffic lights’ meta dawn kienu ħomor, u dar ghal fuq il-karreġġata l-oħra, għalkemm kien hemm it-traffiku għaddej għax it-‘traffic lights’ kien għadu jippermetti li t-traffiku jgħaddi.
Meta l-vettura tal-Pulizija rnexxielha terga’ tinterċettah, huwa beda jżid il-veloċità u beda anke jserrep u jaqbeż b’mod perikoluz mingħajr ma jixgħel l-‘indicators’, u dan minkejja li kien hemm karozzi ohra u nies għaddejjin bil-mixi, u xi toroq kienu dojoq.
Pero huwa vera wkoll qalet il-Qorti li l-Prosekuzzjoni ma ġabitx prova sal-grad rikjest fil-kamp kriminali li l-imputat kien qed isuq b’veloċità li teċċedi li l-massimu stabbilit mil-liġi.
Filwaqt li ma nstabx ħati li sar reċidiv huwa nstab ħati ta’ serq u sewqan perikoluż u ġie kundannat għal piena karċerarja ta’ tliet snin, li minnhom għandu jitnaqqas kull żmien li għamel taht arrest preventiv biss in konnessjoni ma’ dawn ir-reati.
Il-Qorti skwalifiktu wkoll mill-jkollu l-liċenzja tas-sewqan għal zmien sena, li għandha tibda tiddekorri mid-data li fiha l-ħati jiskonta l-piena. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska favur il-Gvern tal-vettura bil-mutur tal-għamla Fiat Idea.
Il-Qorti ordnat ukoll lill-ħati iħallas l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-hatra tal-esperti, u jekk jonqos, l-ammont jiġi konvertit fi priġunerija. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Anthony Scerri. Għall-imputat deher l-Avukat Noel Bianco.
//= $special ?>