Coronavirus Lokali

UĦM b’direttivi għall-ħaddiema tas-servizz u s-settur pubbliku milquta ħażin mill-miżuri nofs leħja tal-COVID-19

Ħaddiema tas-servizz u s-settur pubbliku li għandhom tfal ta’ 12-il sena jew anqas u li m’għandhomx min jieħu ħsiebhom waqt il-ħin tax-xogħol qed jingħataw direttiva mill-UĦM Voice of the Workers biex jaħdmu mid-dar.

Dan il-pass ittieħed fid-dawl tal-mod kif qed ikunu implimentati id-direttivi li tħabbru fl-aħħar jiem b’rabta mal-COVID-19 għall-ħaddiema fis-settur u s-servizz pubbliku.

Filwaqt li l-Union tilqa’ l-miżuri li ħarġu nhar l-Erbgħa, 10 ta’ Marzu 2021 b’mod pożittiv għax jgħinu biex tkun kontrollata l-imxija, tinsab iddiżappuntata li dawn kienu nofs leħja għax ma kienux ikkunsidrati il-ħtiġijiet tal-ġenituri.

Kien għalhekk li l-Union iddikjarat tilwima industrijali mal-Gvern u ordnat sett ta’ direttivi li se jidħlu fis-seħħ min nhar it-Tnejn li ġej, 15 ta’ Marzu. Dawn id-direttivi jinkludu li l-ġenituri ta’ tfal ta’ 12-il sena jew anqas, li m’għandhomx ma’ min iħallu lil uliedhom għandhom jaħdmu mid-dar. Dan japplika biss għall-ġenitur wieħed u ma japplikax f’każ li ġenitur ieħor ikun disponibbli li jieħu ħsieb it-tfal. Id-direttiva tapplika fil-ġranet tal-iskola kif ukoll hija estiża għal dawk il-jiem meta t-tfal huma reġistrati mal-Klabb 3-16.

Dawn id-direttivi jinkludu ukoll li dawk il-ħaddiema li jaħdmu f’istituzzjonijiet edukattivi u li xogħolhom jista’ jsir b’remote working, se jingħataw direttiva biex jaħdmu mid-dar. Waqt li nisa tqal, anke jekk huma front liners, ser jingħataw direttiva biex jaħdmu mid-dar.

Id-direttivi se jibqgħu fis-seħħ sal-11 t’April jew sakemm ikun hemm tibdil fir-restrizzjonijiet.

Tweġiba mill-Gvern:

Nirreferi għall-artiklu li deher illum fuq netnews.com.mt “UĦM b’direttivi għall-ħaddiema tas-servizz u s-settur pubbliku milquta ħażin mill-miżuri nofs leħja tal-COVID-19” fejn jingħad li l-UĦM xandret direttivi biex ħaddiema fis-settur pubbliku jaħdmu mid-dar.

Irid jiġi mfakkar li iktar minn ġimgħa ilu, fl-4 ta’ Marzu 2021, inħarġet direttiva mis-Segretarju Permanenti Ewlieni li permezz tagħha ġie dirett biex il-ħaddiema fis-settur pubbliku kollu li xogħlhom m’hemmx għalfejn isir mill-uffiċċji jaħdmu bit-teleworking.

Dan jgħodd għal min hu vulnerabbli u għal min mhux meqjus tali. Id-direttiva tal-Kap tas-Servizz Pubbliku tgħodd għal kulħadd.

Dan ifisser li dak imħabbar mill-UĦM ftit tal-ħin ilu huwa bla ħtieġa għax ilu fis-seħħ ġranet sħaħ.

Sal-bieraħ stess, is-Segretarju Permanenti Ewlieni u s-Segretarji Permanenti kollha kienu qed jiddiskutu kif, fiċ-ċirkustanzi, se jkompli jkun żgurat li s-servizz lill-klijenti se jibqa’ jingħata minkejja li ħafna mix-xogħol qed isir bit-teleworking.

Għalkemm id-direttiva tas-Segretarju Permanenti Ewlieni ħarġet diġà pubblika u wieħed jista’ jaċċessaha faċilment, għall-benefiċċju tal-UĦM u ta’ kulħadd, l-istess direttiva qed tiġi mehmuża ma’ din it-tweġiba.