Futbol Sport

Rebħa importanti għal Fiorentina

(Ritratt: EPA)

Fiorentina kisbu rebħa importanti barra minn darhom ta’ 4-1 fuq Benevento, rebħa li kompliet tbiegħdhom miż-żona relegazzjoni. DUSAN VALHOVIC fetaħ l-iskor wara biss tmien minuti meta kkonkluda fuq bass tajjeb ta’ Valentin Eysseric. L-istess VLAHOVIC irdoppja fits-26 minuta meta wara li l-konklużjoni ta’ Martin Caceres kienet salvata, kien l-attakkant Serb li kien l-ewwel fuq il-ballun biex għamilhom 2-0. DUSAN VLAHOVIC skorja l-hat-trick ftit sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima b’konklużjoni tajba minn barra l-kaxxa. Fit-tieni taqsima, Benevento wettqu reazzjoni u naqsu l-iskor fis-56 minuta b’konklużjoni ta’ ARTUR IONITA. Kwarta mit-tmiem, it-tim ta’ Cesare Prandelli skorja r-raba’ gowl meta EYSSERIC qabbeż b’eleganza minn fuq l-gowlkiper ta’ Benevento għal skor finali ta’ 4-1.

F’partita bejn żewġ timijiet f’nofs il-klassifika, Sassuolo għelbu lil Hellas Verona 3-2. MANUEL LOCATELLI tefa’ lil Sassuolo fil-vantaġġ wara erba’ minuti. Verona ġabu l-iskor indaqs żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, meta DARKO LAZOVIC ikkonkluda fuq cross fil-baxx ta’ Faraoni. Fit-tieni taqsima, Sassuolo reġgħu marru fil-vantapp fil-51 minuta permezz ta’ FILIP DJURICIC. Verona reġgħu rrispondew u ġabu d-draw permezz ta’ FEDERICO DIMARCO fid-79 minuta biex żewġ minuta wara kien HAMED TRAORE li ta’ tliet punti lil Sassuolo f’rebħa ta’ 3-2.

Fi Stadio Luigi Ferraris draw ta’ 1-1 bejn Genoa u Udinese, draw li ma biddel xejn għal fini ta’ klassifika hekk kif Udinese baqgħu fl-10 post bi 33 punt filwaqt li Genoa baqgħu fl-14-il post bi 28 punt. GORAN PANDEV fetaħ l-iskor għal Genoa wara biss tmien minuti bil-gowl tad-draw għal Udinese jasal man-nofsiegħa logħob meta Criscito waqqa lil Pereyra fil-kaxxa biex minn ħdax-il metru, RODRIGO DE PAUL ma żbaljax.

SERIE A
Ilbieraħ: Lazio v Crotone 3-2, Atalanta v Spezia 3-1 Illum: Sassuolo v Verona 3-2, Benevento v Fiorentina 1-4, Genoa v Udinese 1-1 Għada: Bologna v Sampdoria 12.30pm, Parma v Roma 3.00pm, Torino v Inter 3.00pm, Cagliari v Juventus 6.00pm, Milan v Napoli 8.45pm