Lokali

BirdLife Malta se tniedi kampanja li tesponi s-sbuħija tal-għasafar tal-passa

Nhar it-Tnejn li ġej, BirdLife Malta se tkun qed tniedi t-tieni edizzjoni tal-kampanja #onthemove, din id-darba bil-għan li tesponi s-sbuħija tal-passa tal-għasafar matul ir-rebbiegħa. Dan hekk kif l-ewwel kampanja li saret fil-ħarifa li għaddiet kienet ta’ suċċess.

L-għan ta’ din il-kampanja, li se tkun mifruxa fuq xahrejn mill-15 ta’ Marzu sal-15 ta’ Mejju, hu li n-nies jiġu mħeġġa biex igawdu l-ispettaklu li tipprovdi l-passa tal-għasafar minn fuq il-Gżejjer Maltin u s-sbuħija tan-natura matul dan l-istaġun, xi ħaġa li tista’ ssir mingħajr l-ebda periklu f’dan iż-żmien partikolari li qed ngħixu fih minħabba l-pandemija. Dan filwaqt li tħeġġeġ lill-pubbliku jgawdi, jieħu ħsieb u jħares l-għasafar li jpassu minn fuq Malta.

Il-passa tar-rebbiegħa hi importanti ħafna għaliex matul dan l-sitaġun, il-Gejjer Maltin iservu bħala post ta’ mistrieħ għal ħafna speċi Ewropej fi triqithom lejn l-Ewropa biex ibejtu.

Il-kampanja ta’ BirdLife Malta se tkun qed toffri wkoll informazzjoni lill-pubbliku dwar il-passa tal-għasafar.

L-għaqda qed tħeġġeġ biex jingħaqdu magħhom iktar voluntiera biex jassistu fil-ħidma ta’ sorveljanza sabiex ikun żgurat li l-għasafar tal-passa jgħaddu minn fuq il-Gżejjer Maltin mingħajr periklu fi triqithom biex ibejtu.

Dan hekk kif is-sena l-oħra kienet sena rekord għall-kaċċa illegali f’Malta u Għawdex, b’BirdLife Malta u l-Pulizija ġabru mal-210 għasfur li spiċċaw feruti jew maqtula.