Sport

Dejan Grech u Haley Bugeja jirbħu l-iSportiv/a tas-Sena

Is-Sibt filgħaxija waqt xandira diretta fuq TSN1 u l-paġni soċjali ta’ facebook, tħabbru r-rebbieħa tal-iSportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali.

Il-61 edizzjoni kienet ikkaratterizzata mill-fatt li minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-Covid19 is-serata ma setatx issir bħas-soltu fil-preżenza ta’ dawk kollha involuti. Minflok saret edizzjoni virtwali konformi ma’ l-aħħar avviż legali maħruġ mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.

Kelliema waqt din ix-Xandira kienu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-iSport, Rikreazzjoni u Organiżazzjonijiet Volontarji l-Onor Clifton Grima, iċ-Chairman ta’ SportMalta Dr Lucjano Busuttil, il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar u l-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Sandro Micallef.

Għal sena oħra din is-serata kienet organizzata b’mod konġunt mill-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ SportMalta bl-appoġġ sħiħ tas-Segretarjat responsabbli mill-isport.

Waqt din ix-xandira li kienet ippreżentata minn Lorraine Cunningham u Chris Cauchi ġew mqassma 11 il-unur – sebgħa fuq votazzjoni tal-ġurija, wieħed fuq vot popolari tan-nies, wieħed għażla tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u tnejn fuq suġġeriment ta’ Special Olympics.

F’isem l-oppożizzjoni permezz ta’ Zoom attenda wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u Sport l-Onor. Clyde Puli

L-unuri kollha mqassma kienu dawn:

Sportiv tas-Sena – DEJAN GRECH (Eight Ball Pool)
Sportiva tas-Sena  – HALEY BUGEJA (Futbol)
Żagħżugh tas-Sena – RICHARD SCHULTHEIS (Ibburdjar)
Żagħżugħa tas-Sena – TENISHIA THORNTON (Weightlifting)
Tim tas-Sena – TIM NAZZJONALI TAL-FUTBOL TAN-NISA (Futbol)
Kowċ tas-Sena – DEVIS MANGIA (Coach Tim Nazzjonali tal-Futbol Irġiel)
Uffiċjal tas-Sena – JOSEPH MUSCAT (Segretarju Ġenerali Malta Basketball Association)
Avveniment Internazzjonali tas-Sena – KAMPJONAT EWROPEJ TAL-EIGHT BALL POOL
People’s Choice Award – MARK MARLOW (President Malta Employers Sport Association)
Unur Special Olympics Atleta Maskili – MARK SERGE (Ten Pin Bowling)
Unur Special Olympics Atleta Femminili – KLARA ZAMMIT (Għawm)