Fl-aħħar jiem, numru kbir ta’ Għawdxin anzjani, vulnerabbli u frontliners irċievew telefonati biex imorru jieħdu t-tilqima f’Malta. Sitwazzjoni li ġabna fiha l-Gvern Laburista, konsegwenza tal-irresponsabbiltà u l-inkompetenza tiegħu, u li qed taffettwa wkoll ħażin lill-Għawdxin. Mhux hekk biss, iżda jidher li l-Gvern qed jgħid ħaġa u jagħmel oħra.
Fi stqarrija, iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said, il-Partit Nazzjonalista qal li dan mhux aċċettabbli, aktar u aktar meta l-Gvern fl-aħħar jiem ftaħar li fetaħ ċentru kbir għat-tilqim fir-Rabat, Għawdex, u meta ftit tal-ġimgħat ilu beda t-tilqim u numru ta’ Għawdxin bdew jintalbu jmorru Malta, il-Gvern kien assigura lil kulħadd li l-Għawdxin kollha se jieħdu t-tilqima f’Għawdex stess. Hu ċar li dakinhar, il-Gvern għadda ż-żmien bl-Għawdxin.
L-Erbgħa, il-Prim Ministru ħabbar li mill-għada l-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex se jkun ristrett għal dawk li jridu jaqsmu fuq xogħol jew għar-residenti Għawdxin. Il-Partit Nazzjonalista qal li minkejja dak li qal il-Prim Ministru, jidher ċar li ftit li xejn qed isiru kontrolli fl-Imġarr u fiċ-Ċirkewwa, għajr li tittieħed it-temperatura. Anke dan hu sinjal ċar li l-Gvern qal ħaġa, biex jidher li qed jieħu azzjoni, iżda fil-fatt, qed jagħmel ħaġa oħra.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jappella biex jinxtara l-apparat meħtieġ u t-tests fuq swabs tal-Għawdxin jibdew jsiru f’Għawdex stess. Għaddiet sena mill-bidu tal-pandemija u l-Gvern ma kienx kapaċi jinvesti jew iġiegħel lil Steward jinvestu f’RT-PCR machine għal Għawdex. Dan hu effett tal-privatizzazzjoni tal-uniku Sptar fil-gżira Għawdxija.
Il-Partit Nazzjonalista kompla li l-Gvern impala l-miljuni kbar lil Vitals u Steward, iżda qed jixxaħħaħ mas-saħħa tal-Għawdxin. Dan in-nuqqas qed iwassal biex ir-riżultati ta’ swabs li jittieħdu f’Għawdex qed jieħdu anke sa jumejn biex jinħarġu u jaslu għand għand min ikun għamlu.
Il-Partit Nazzjonalista appella wkoll biex jitwaqqaf immedjatament unit tal-contact tracing f’Għawdex stess. Hu evidenti li ntilef kull kontroll kif qed isir il-contact tracing u hemm min qed jiġi kkuntattjat anke ġimgħa wara u iżjed minn meta jkun ġie f’kuntatt ma’ persuna li rriżultat pożittiva, kif ukoll hemm min mhu qed jiġi kkuntattjat qatt, anke jekk ikun qed jgħix fl-istess dar ma’ persuna pożittiva.
Unit tal-contact tracing f’Għawdex stess jassigura li almenu l-contact tracing f’Għawdex isir b’mod tajjeb u immedjat, filwaqt li jnaqqas il-pressjoni minn fuq it-taqsima li qed tagħmel il-contact tracing f’Malta. Il-Gvern ma ddejjaq xejn ibigħ is-saħħa tal-Għawdxin u issa qed jerġa’ jgħid ħaġa u jagħmel oħra fis-sitwazzjoni preżenti, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>