Coronavirus Lokali

Il-Gvern għandu jieqaf iwebbes rasu – Bernard Grech

Il-Gvern għandu jieqaf iwebbes rasu u jiddikjara minnufih Emerġenza fis-Saħħa Pubblika, filwaqt li jwaqqaf Scientific Advisory Board magħmul minn esperti. Għax kull pazjent ħaqqu l-aħjar kura biex ikompli jgħix b’dinjità.

Hekk kiteb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fuq Facebook quddiem il-pjaga tal-Maltin u l-Għawdxin kollha li qed jaraw li s-sitwazzjoni tal-imxija tal-Covid-19 f’pajjiżna qed twassal għal aktar imwiet u aktar persuniqed jidħlu fl-Isptar Mater Dei.

Bernard Grech qal li d-Dipartiment tal-Emerġenza, is-Swali tal-Mediċina u t-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU) jinsabu taħt pressjoni qawwija, tant li t-Tobba se jkollhom jibdew jagħżlu min jista’ jingħata kura u assistenza u min le.

Sitwazzjoni bħal din mhix aċċettabbli, tenna, għax l-immaniġġjar tal-pandemija għandu jsir minn min jifhem u mhux minn min għandu interessi partiġġjani jew populisti. Għax saħħet kulħadd tiġi fuq kollox, temm jikteb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.