Lokali

“Il-Gvern Laburista qed jgħaddi gaffa fuq l-isportivi mingħajr lanqas jikkonsultahom” – PN

Il-fatt li l-Gvern Laburista għadda b’gaffa minn fuq il-grawnd tan-nursery ta’ Mtarfa Football Club u kissru, juri d-diżrispett u n-nuqqas kbir ta’ importanza li dan il-Gvern qed jagħti lill-isport u l-isportivi u l-komunita’ tal-Imtarfa. B’konsegwenza t’hekk se jbatu l-180 membru ta’ dan il-klabb fosthom żgħażagħ u tfal.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija ffirmata mill-Kelliema għall-Isport Clyde Puli li qal li l-Gvern biegħ l-iskola li tospita l-grawnd lill-kumpanija barranija iżda fil-proċess ma kkonsultax u ma nfurmax lil Mtarfa FC. Injorahom kompletament. F’Novembru li għadda pprova jkisser dan il-grawnd bil-gafef iżda sab lill-membri tal-klabb jirreżistuh kif indunaw.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern issa sab opportunita’ bl-għeluq tal-faċilitajiet sportivi biex inkiss inkiss ikisser il-grawnd mingħajr xkiel ta’ xejn. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Clyde Puli u l-Minority Leader tal-PN fl-Imtarfa Simon Paul Fenech żaru l-post.

Il-Gvern injora l-fatt li Mtarfa FC kellu ftehim ma’ Sport Malta għal 48 sena. F’dan il-ftehim kien hemm li t-tfal u ż-żgħażagħ ta’ Mtarfa Youth Nursery jużaw l-art tal-kulleġġ ta’ San Nikola fl-Imtarfa u b’investiment ta’ Sport Malta, l-MFA u l-UEFA u b’għajnuna t’amministrazzjoni Nazzjonalista jibdlu l-grawnd f’wieħed modern bit-turf artifiċjali. Dan kien wieħed minn 60 proġett li saru f’60 xahar ta’ Gvern Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista innota li l-Gvern Laburista qiegħed spiss jinjora u ma jikkonsultax mall-assoċjazzjonijiet sportivi qabel jieħu deċiżjonijiet li jolqtu lilhom. Dan qed joħolqilhom problem kbar fl-operat tagħhom. Ftit ġranet ilu l-Gvern injora lill-Malta Football Association meta ħa deċiżjonijiet mingħajr ma kkonsulta magħha. Il-Gvern injora l-fatt li l-futbol illum
sar industrija li tiġġenera ekonomija sportiva, temmet tgħid l-istqarrija.