Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq 18-il akkuża b’rabta ma’ serq u frodi

Tuneżin ta’ 30 sena, residenti l-Pietá baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ akkużi ta’ serq, frodi u falsifikazzjoni ta’ għadd ta’ firem.

Huwa tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Nadine Lia u ġie mixli li s-Sibt 16 ta’ Frar li għadda seraq ħwejjeġ tadd-ditta li l-valur tagħhom huwa ta’ aktar €2,300 minn Gallerija Darmanin fl-Iklin.

Mahmoud Moghrabi li ffaċċa 18-il akkuża ġie mixli wkoll li tliet wara seraq scooter tal-elettriku b’valur ta’ aktar minn minn €2,300 li kien ipparkjat San Ġwann.

Akkuża oħra tgħid li fis-6 ta’ Marzu li għadda seraq ktieb taċ-ċekkijiet u li l-għada u l-pitgħada minn ġewwa l-istabbiliment bl-Franks Perfumery li jinsab Baystreet, San Ġiljan, kif ukoll mill-istabbiliment Franks li jinsab il-Belt Valletta wettaq frodi b’ċekkijiet foloz.

Ġie mixli wkoll li bejn id-disa’ u l-10 ta’ Marzu minn Tas-Ta’ Sliema seraq għadd ta’ dokumenti u oġġetti minn karozza. Ġie mixli wkoll li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa. U talli fil-lukanda ‘Il-Ħolm Boutique and Spa’, li tinsab San Ġiljan, inqeda b’qerq u ingann u għamel qligħ b’qerq ta’ €196.

It-Tuneżin li għandu kondotta kkulurita u mhux l-ewwel darba li tressaq il-Qorti fuq serq ġie mixli wkoll li f’numru ta’ stabbilimenti madwar Malta u li għamel ħsara f’numru minnhom u li għamel użu u falsifikazzjoni taċ-ċekkijiet misruqa.

Huwa ġie akkużat ukoll li kkommeta reat waqt li kien taht ordni ta’ probation, mgħotija mill-Qorti preseduta mill-Magistrat Yana Micallef Stafrace fi-5 ta’ Settembru 2019, liema sentenza hija definittiva u ma tistax tiġi mibdula u li sar reċidiv. Kif ukoll li għex ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ.

Ir-raġel ġie arrestat minn residenza fi Triq Nazju Ellul, il-Gżira u minn tfittxijiet li saru fir-residenza u fil-karozza tiegħu, instabu diversi oġġetti li kienu rrappurtata nieqsa.

Fl-iżbarra Moghrabi baqa’ sieket għad-domandi li sarulu jekk hux ħati jew le, bil-Qorti tgħid li s-skiet tal-akkużat ifisser li huwa ma ammettiex l-akkużi kontrih u nżamm arrestat.

Għall-akkużat deher l-Avukat Arthur Azzopardi filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Andrew Agius, Michael Vella u Leeroy Balzan Engerer.