“Il-professjonisti mediċi mhux ilaħħqu mal-ħtiġiet tal-pazjenti u l-kwalita’ tal-kura qed tiġi kompromessa“
Is-sitwazzjoni tal-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna qed twassal għal iktar imwiet u ammissjonijiet fl-isptar Mater Dei. Id-dipartiment tal-emergenza, is-swali tal-mediċina u d-dipartiment tal-ITU jinsabu taħt pressjoni qawwija.
Hekk sostna l-Partit Nazzjonalista fejn insista li dan hu kkonfermat mill-ftuħ tas-sitt sala għall-kura intensiva sabiex tlaħħaq mad-domanda li dejjem qed tiżdied bir-riżultat li l-frontliners fil-qasam mediku ma jistagħux ilaħħqu mal-ħtiġijiet tal-pazjenti u l-kwalita’ tal-kura qed tiġi kompromessa.
Il-PN saħaq li l-attenzjoni individwali li kienet tingħata fid-dipartiment tal-ITU issa spiċċat u t-tobba se jkollhom jibdew jagħżlu min jista’ jingħata kura u assistenza speċjalizzata u min le.
Filfatt, diġa’ ddaħħlu kriterji stretti ta’ min jikkwalifika għall-kura intensiva u min jista’ jinghata sodda fid-dipartiment tal-ITU.
Sitwazzjoni bħal din mhix aċċettabbli għax kull pazjent ħaqqu l-aħjar kura biex ikompli jgħix b’dinjita’.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista nnotat li meta pajjiżna kellu numri ta’ każi hafna inqas, il-Gvern kien qed jaħseb għal Ambulatory ITU u dan sabiex insalvaw l-ħajjiet.
Illum dan lanqas biss għadu jissemma’, u allura l-Partit Nazzjonalista staqsa; “jeżisti pjan ta’ emergenza għal dan?”
Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern għandu minnufih jerfa’ r-responsabbilta’ għal dan u jipprevjeni dan milli jiġri.
“Għalhekk il-kontroll tal-pandemija hija kruċjali għaliex jidher ċar li għadna ‘l bogħod ħafna min-normalita’. Għalhekk l-ewwel irkupru għandu jkun fis-saħħa u l-ħarsien tagħha. “
L-esperti mediċi wkoll qegħdin jesprimu t-tħassib tagħhom u huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jisħaq li għandha tissejjaħ sitwazzjoni ta’ emerġenza fis-saħħa pubblika sabiex ikunu l-esperti li jmexxu lill-poplu u mhux il-Gvern.
U għahekk ukoll li l-Partit Nazzjonalista ppropona t-twaqqif ta’ Scientific Advisory Board għax jemmen li fl-immaniġġjar ta’ din il-pandemija għandu jkun minn min jifhem u mhux minn min għandu interessi partiġġjani jew popolisti għaliex l-interessi tas-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin għandha tiġi fuq kollox.
//= $special ?>