Ambjent Lokali

L-Oppożizzjoni tingħata raġun dwar sfreġju ambjentali li qed twettaq Infrastructure Malta – PN

Ritratt: Friends of the Victoria Lines Trail

Id-deċiżjoni li jinqala’ passaġġ illegali li sar bil-konkos minn Infrastructure Malta fid-Dwejra (Victoria Lines) jerġa’ jagħti raġun lill-Oppożizzjoni. Dan wara li fi Frar li għadda l-Oppożizzjoni fi stqarrija kkundannat lill-Infrastructure Malta għall-isfreġju ambjentali u ksur tal-ligi li din l-entita’ governattiva kontinwament qed taghmel f’pajjiżna waqt is-suppost
xogħlijiet li tkun qed twettaq.

Hekk sostna l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Robert Cutajar flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Infrastruttura Toni Bezzina u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura Edwin Vassallo fejn insistew li minbarra l-isfreġju mwettaq fid-Dwejra fl-aħħar snin assistejna minn arroganza bla preċedent minn din l-entita’ li taqa’ taht ir-responsabbilita politika tal-Ministru Ian Borg.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li Infrastructure Malta kienet imwiddba u mwaqqfa fuq proġetti varji li kienet qed twettaq, uħud minnhon
saħansittra mingħajr il-permessi meħtieġa.

Fost dawn wieħed isemmi xogħlijiet f’Ħad-Dingli, Attard, Ħaż-Żebbuġ, u San Ġwann fost l-oħrajn. Dan apparti nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-bdiewa u l-Kunsilli Lokali.

L-Oppożizzjoni appellat lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinvestiga u jieħu l-passi skont il-liġi lil min fi ħdan Infrastructure Malta kien u qed ikun responsabbli għal dawn in-nuqqasijiet kbar fil-konfront tal-ambjent f’pajjiżna.

Filfatt f’domanda parlamentari li ressaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-Ambjent Robert Cutajar fl-aħħar jiem lill-Ministru għall-Intern, dwar jekk il-Pulizija ħadux passi kontra din l-entita’ li issa għal diversi drabi qed tinstab ħatja li qed tikser regolamenti u liġijiet relatati mal-ambjent, il-Ministru naqas li jwieġeb din id-domanda.

L-Oppożizzjoni filwaqt li terġa’ tistaqsi min se jerfa’ r-responsabbilta’ politika għal dawn in-nuqqasijiet, qed terġa’ tappella lill-Gvern biex jieqaf immedjatament milli jibqa’ jkun il-protagonist ewlieni fl-isfreġju ambjentali f’pajjiżna.