Manchester City komplew ikabbru d-distakk f’ras il-klassifika hekk kif għelbu lil Fulham 3-0 fi Craven Cottage. Il-gowls ta’ City waslu kollha fit-tieni taqsima meta l-ewwel kien JOHN STONES li fis-47 minuta kkonkluda għal 1-0 fuq cross ta’ Joao Cancelo. Disa’ minuta wara kien GABRIEL JESUS li għamilhom 2-0 b’azzjoni personali biex mas-siegħa logħob, SERGIO AGUERO minn penalty għamilhom 3-0.
Intant, tard illejla ġiet ikkonfermata l-aħbar li Chris Wilder m’għadux aktar kowċ ta’ Sheffield United, bil-Blades jinsabu f’qiegħ il-klassifika b’14-il punt. Jidher li r-riżenja ta’ Wilder waslet wara nuqqas ta’ qbil bejnu u bejn id-diriġenti tal-klabb. Chris Wilder sar kowċ ta’ Sheffield United fl-2016 fejn wassal lill-klabb minn League One għall-Premier League fejn l-istaġun li għadda rnexxielu jtemm fid-disa’ post fl-għola diviżjoni. Post Wilder se jieħdu l-kowċ tal-iskwadra ta’ taħt it-23 sena ta’ Sheffield Paul Heckingbottom.
F’partiti oħra, Everton, li qed jittamaw għal post fit-Top Four tal-Premier League, sabu ruħhom minn taħt wara biss 13-il minuta meta Chris Wood sab ix-xibka minkejja t-tentattiv iddisprat ta’ Pickford biex isalva. Il-gowl ħasad it-Toffees li malajr sabu ruħhom 2-0 minn taħt meta Dwight MCNEIL qabeż lil Allan u mill-ġdid għeleb lil Pickford b’xutt bid-dawwra. Qabel il-mistrieħ, Dominic CALVERT-LEWIN naqqas id-distakk fuq l-assist ta’ Davies iżda minn dak il-ħin, id-difiża tal-Clarets irreżistiet għal kull azzjoni, bit-tim ta’ Sean Dyche jikseb tliet punti prezzjużi oħra fil-ġlieda tagħhom biex jikkonsolidaw posthom fl-ogħla diviżjoni.
Crystal Palace kisbu l-ewwel rebħa f’darhom minn Jannar permezz ta’ penalty – skurjat fl-ewwel taqsima minn Luka Milivojevic – li ssarraf fi tliet punti li għandhom iserrħu ras l-Eagles li qegħdin jokkupaw il-ħdax-il post fil-Premier League b’37 punt. Mill-banda l-oħra din it-telfa kapaċi tkun sinifikanti għal West Brom li jinsabu fl-eqqel ta’ taqbida kbira biex iżommu posthom mal-kbar u li jinsabu t-tieni mill-aħħar fl-aktar fażi importanti tal-istaġun. Il-gowl li ddeċieda l-logħba wasal seba’ minuti mill-mistrieħ meta l-captain ta’ Crystal Palace, MILIVOJEVIC sab ix-xibka mill-ħdax-il metru wara li d-difensur ta’ West Brom, Darnell Furlong, waqqaf b’idu il-cross insidjuż ta’ Wilfried Zaha. Ir-reazzjoni ta’ West Bromwich Albion kienet fjakka u fit-tieni taqsima, Palace marru qrib it-tieni gowl, bi Christian Benteke jara x-xutt qawwi tiegħu salvat minn Sam Johnstone bl-għajuna tal-mimduda. Minn dak il-ħin, West Brom tellgħu ballun wieħed biss perikoluż, bit-tentattiv ta’ Mbaye Diagne ikun innewtralizzat mingħajr diffikultà u bir-riżultat (1-0) ma jinbidilx.
Leeds United u Chelsea spiċċaw fi dro, 0-0, iżda l-logħba ma kenitx nieqsa mill-azzjonijiet u biż-żewġ tims it-tnejn jolqtu l-lasta – bil-gowlkipers rispettivi (Mendy ta’ Chelsea u Meslier ta’ Leeds Utd) ikunu ferm impenjati tul id-90 minuta. Chelsea, b’hekk, estendew għal 12 is-sekwenza ta’ logħob mingħajr telfa taħt il-manager, Thomas Tuchel, b’Leeds, issa, jaqbżu lil Wolves fil-klassifika bis-saħħa ta’ dan il-punt diffiċli. Leeds kważi spiċċaw minn taħt kmieni fil-logħba meta, fuq il-clearance ta’ Luke Ayling, il-ballun laqat lil sieħbu Llorente u ħalla lil Meslier megħlub qabel stampa mal-lasta. It-tim ta’ Yorkshire, imbagħad, marru viċin il-gowl u kellu jkun il-gowlkiper ta’ Chelsea, Mendy, li salva lill-Blues meta salva b’diffikultà iċ-chip ta’ Tyler Roberts, bil-ballun jaħbat mal-lasta anki f’dan il-każ. Leeds baqgħu perikolużi bil-kontra-attakki u Mendy kien kostrett li jsalva t-tentattiv perikoluż ta’ Raphinha. Permezz ta’ dan id-dro, Leeds evitaw tielet telfa konsekuttiva, b’Chelsea jinsabu r-raba’ fil-klassifika, b’distakk ta’ żewġ punti ma’ Leicester u bil-Blues jilgħabu logħba aktar mit-tim ta’ Brendan Rodgers.
//= $special ?>