Lokali Qorti

Pleġġ ikkonfermat għal aħwa Libjani mixlija li ferew gravi kompatrijott f’San Ġwann

Żewġ aħwa Libjani li qed jiġu akkużati li f’San Ġwann ferew serjament Libjan ieħor kellhom il-pleġġ tagħhom ikkonfermat mill-Qorti Kriminali wara appell li sar mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Siraj S.B. Shalgum ta’ 39 sena u Husam Saleh Belgasem Shalgum ta’ 34 sena, żewġ ċittadini Libjani li jgħixu Ħal Balzan kienu wieġbu mhux ħatja li weġġgħu raġel Libjan ieħor fi ġlieda. Huma qegħdin jiġu akkużati wkoll bi ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ bail preċedenti fuq proċeduri li huma konnnessi ma’ omiċidju.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Edwina Grima kkonfermat deċiċjoni tal-Qorti tal-Maġistrati u kkonfermat it-talba għall-ħelsien mill-arrest, fejn kien ordnat lill-aħwa biex iħallsu depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000 kull wieħed, u biex jiffirmaw ifl-Għassa tal-Pulizija darbtejn fil-ġimgħa u jirrispettaw curfew bejn il-11pm u l-5pm.

L-Avukat Ġenerali kien ressaq appell għar-revoka tal-libertà proviżorja, billi argumenta li mhux biss kien hemm xhieda li għad iridu jixhdu iżda fuq il-gravità tal-akkużi.

Il-Qorti Kriminali ċaħdet l-argumenti ta’ l-AĠ lu indikat li l-Ewwel Qorti eżerċitat id-diskrezzjoni tagħha b’mod korrett billi imponiet kundizzjonijiet ta’ pleġġ, uli s’issa t-tnejn kienu osservaw it-termini magħhom.

Barra minn hekk, m’hemm l-ebda biża’ li x-xhieda jiġu mbagħbsa. Il-Qorti Kriminali sempliċement żiedet id-depożitu għal €3,000- u l-garanzija personali għal €10,000 L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Amadeus Cachia deheru għal aħwa.