Lokali

Raġel jitlef ħajtu wara li tfixkel fit-taraġ

Raġel Amerikan ta’ 59 sena tilef ħajtu wara li waqa’ t-taraġ. L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tat-8pm. fi blokka f’Misraħ Don Mawru Inguanez fl-Isla.

Mill-ewwel stħarriġ jirriżulta li r-raġel kien nieżel it-taraġ, tfixkel u waqa’. Tim mediku mar fuq il-post biex jagħti l-għajnuna iżda sfortunatament ir-raġel kien ċertifikat mejjet fuq il-post.

Il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima fetħet inkjesta u l-pulizija qed tinvestiga l-każ.

Mara taqa’ f’xaft

Iktar tard ilbieraħ filgħaxija seħħ inċident simili, din id-darba f’Baħar iċ-Ċagħaq. Kien għall-ħabta tat-8.30p.m. meta ssejħet il-Pulizija minħabba inċident fi Triq il-Wirt Naturali.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li mara ta’ 55 sena weġġgħet wara li waqgħet f’xaft ta’ sit tal-kostruzzjoni. Fuq il-post issejjħu tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Il-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei fejn iktar tard kienet ċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi. Il-pulizija għaddejja bl-istħarriġ.