Futbol Sport

Tama li l-partitarji fl-Ingilterra jirritornaw fl-istadiums mis-17 ta’ Mejju

Fl-Ingilterra, l-oppost ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżna, l-Premier League qed tittama li mal-10,000 partitarju jkunu jistgħu jirritornaw fl-istadium fl-aħħar żewġ partiti tal-Kampjonat jiġifieri mis-17 ta’ Mejju.

Dan kien mħabbar aktar kmieni x-xahar li għadda meta l-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson żvela l-pjan ta’ kif se jkun qed jintemm il-lockdown matul ix-xhur li ġejjin fl-Ingilterra.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Premier League, Richard Masters qal li sabiex kull tim jilgħab partita waħda home fil-preżenza tal-partitarji se jkun hemm xi tibdil fil-partiti. Masters żied jgħid li dan ikun pass pożittiv ferm wara perjodu diffiċli għall-futbol hekk kif dan ħalla wkoll effett finanzjarju fejn huwa stmat li sa tmiem dan l-istaġun l-Premier League jkun għamel telfa ta’ żewġ biljun sterlina.