L-awtoritajiet f’Ċipru, minn għada, se jnaqqsu l-miżuri tal-lockdown, minbarra li se jnaqqsu wkoll il-kundizzjonijiet tal-curfew għall-poplu. Dan meta l-pajjiż qed jibda jwarrab mir-restrizzjonijiet dovuti għall-coronavirus meta l-programmi tat-tilqim fost iċ-Ċiprijotti anzjani qed jidhru li qabdu ritmu tajjeb.
Ċipru sadanittant qed iħejji diġà għat-turiżmu tas-sajf fost indikazzjonijiet li l-istaġun li ġej se jkun tajjeb għas-settur lokali. Fil-fatt, minn għada se jerġgħu jiftħu r-ristoranti fil-miftuħ, bl-awtoritajiet, fil-jiem li ġejjin, mistennija jieħdu aktar passi biex ikattru s-settur tal-catering filwaqt li jiftħu aktar setturi bħala parti mit-tneħħija tar-restrizzjonijiet.
It-turiżmu lejn Ċipru kien tħarbat bil-kbir matul is-sena li għaddiet minħabba l-coronavirus, iżda kelliema b’konnessjonijiet mas-settur huma ottimisti li jkollhom sajf ferm aħjar din id-darba – speċjalment f’dak li jirrigwarda turiżmu mir-Renju Unit.
Ċipru hu fost numru ta’ pajjiżi Ewropej li qed iħarsu lejn il-ġejjieni b’ottimiżmu wara li implimentaw il-miżuri restrittivi fiż-żmenijiet ideali u li għenu biex iwaqqfu l-agħar impatt miċ-ċirkulazzjoni tal-virus u l-varjanti tiegħu fost il-popli rispettivi.
Sadanittant, il-parti kbira tal-Italja, fil-jiem li ġejjin, se jkunu klassifikati bħala zona ħamra b’relazzjoni mal-Covid-19 — u li jfisser li l-ħwienet mhux essenzjali jridu jagħlqu waqt li l-bars u r-ristoranti jipprovdu biss servizzi ta’ takeaway. Dan waqt li l-istudenti li jgħixu fl-ibnadi li jaqgħu taħt din iz-zona l-ħamra jridu jingħataw it-tagħlim bis-servizzi online.
Madankollu, it-Tmexxija Taljana qed tieħu dawn il-miżuri neċessarji fiż-żmien opportun u bil-għan li ma tħallix l-affarijiet jaqilbu għall-agħar.
Il-Prim Ministru Taljan, Mario Draghi, qal li l-miżuri attwali – li qed ikunu appoġġjati bis-sostenn tal-Gvern għall-familji u l-kumpaniji – jgħinu biex il-pajjiż ma jispiċċax f’sitwazzjoni fejn ikollu jintroduċi miżuri aktar drastiċi. Fl-istess ħin, il-Prim Ministru Taljan qal li l-programmi tat-tilqim lokali issa ‘aċċelleraw’ u li qed jiżdiedu t-tamiet li l-pajjiż joħroġ mill-pandemija.
Fi żviluppi oħra il-vaċċin tal-Oxford-AstraZeneca spiċċat sospiża fir-Repubblika tal-Irlanda. Il-Kumitat Nazzjonali li Jagħti l-Pariri dwar it-Tilqim irrakkmanda dan il-pass wara rapporti dwar ‘każi serji ta’ trombożi’ fost l-adulti fin-Norveġja – bil-Ministru tas-Saħħa Irlandiż, Stephen Donnelly, isostni li l-pass ittieħed bħala ‘prekawzjoni’.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), madankollu, għamlitha ċara li ma teżisti l-ebda rabta bejn it-tilqima tal-AstraZeneca u ‘il-potenzjal ta’ sogru miżjud li persuna mlaqqma tiżviluppalha xi trombożi’ .
L-Aġenzija Regolatorja għall-Mediċini u Prodotti tas-Saħħa fir-Renju Unit, qalet, fl-aħħar sigħat, li hi konxja mis-sospensjoni tal-vaċċin fl-Irlanda waqt li qed issegwi mill-qrib ir-rapporti relatati.
Fl-istess ħin, kelliem għal din l-aġenzija sostna li l-provi mill-istudji ma jissuġġerux li l-vaċċin hu l-kaġun tat-trombożi ‘u ladarba wieħed jibbaża l-analiżi fuq in-numri hekk kbar tat-tilqim li qed jingħata, waqt li jikkunsidra il-frekwenza tal-blood clots li jiżviluppaw fil-ġisem b’mod naturali’.
//= $special ?>