Lokali

Inwettqu politika fejjieda – Bernard Grech

“Il-PN se jibqa’ jipproponi ħalli dejjem isir il-ġid, jagħmlu min jagħmlu” – Kliem il-Kap tal-PN Bernard Grech f’intervista l-Ħadd fil-gazzetta ILLUM.

Intervistat mill-editur tal-gazzetta Albert Gauci Cunningham, il-Kap tal-PN rrikonoxxa l-fatt li l-pandemija hija problema dinjija, iżda saħaq li fl-ebda mument ma kien ġust li Prim Ministru ta’ pajjiżna, jidħaq u jqarraq bil-poplu b’messaġġi konfliġenti.

Bernard Grech qal li kien hemm mumenti fejn Robert Abela seta’ jisma’ mill-esperti tas-saħħa u mhux biss, iżda anki mill-pariri li beda jagħti l-PN wara li ltaqa’ ma’ għadd ta’ esperti u korpi kostitwiti.  Hu tenna li l-PN qed jippropni għadd ta’ proposti bil-għan li ntaffu l-impatt tal-COVID-19, u kif ukoll biex noħorġu minn din il-pandemija b’saħħitna.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar numru ta’ temi oħrajn fejn insista illi wara x-xhieda li ngħatat mill-Koħħu din il-ġimgħa Robert Abela għandu ħafna x’jispjega.

Fl-aħħar jiem Vince Muscat għamel allegazzjonijiet serji fuq l-eks Ministru Laburista Chris Cardona b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Madanakollu, il-Prim Ministru baqa’ jisħaq li m’hemm ebda politku jew eks politiku involut fl-assassinju.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-akkomodazzjoni soċjali f’Malta fejn ta ħarsa lejn il-kirjiet ta’ qabel l-1995 u saqsa għalfejn għandu jkollok eluf ta’ kawżi l-Qorti biex tibda tittieħed azzjoni? Kien il-PN li tefa’ dawl fuq din il-problema qabel il-Gvern ħa azzjoni, azzjoni li ma kienet xejn biżżejjed.

Bernard Grech qal li l-għan tal-PN huwa li jiggverna, iżda fil-mument ma rridux naħsbu biss biex il-PN ikun Gvern alternattiv, imma li nagħtu prijorità lil ħajjet in-nies, lis-saħħa, ‘l-ekonomija u ‘l-ħaddiema.

Bernard Grech tenna li l-PN qed jiġġedded, qed joħroġ bil-proposti u qed jiltaqa’ man-nies u se jibqa’ dejjem jaħdem biex il-PN ikun l-għażla naturali tal-poplu.