Lokali

L-IĠM tikkundanna kummenti abbużivi fuq ġurnalista

L-IĠM ikkundanna l-kumment dispreġġjattiv u abbużiv li tħalla minn Godfrey Leone Ganado dwar il-kap tal-aħbarijiet tal-PBS Norma Saliba li illum kienet qed tintervista lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Dalgħodu Norma Saliba kienet mistiedna tintervista lill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.  L-intervista kienet trażmessa dirett fuq Net Television, Net FM u l-Facebook page ta’ Bernard Grech.

Norma Saliba, li għamlet kuntatt mal-IĠM qalet li taħt il-filmat tax-xandira ta’ Facebook, Godfrey Leone Ganado għamel diversi kummenti li fl-opinjoni tagħha huma dispreġġjattivi, degradanti u disonesti fil-konfront tagħha, kif jidher mill-iscreen shots hawn taħt.

Il-Kap tal-aħbarijiet ta’ TVM, kitbet “Nitlob li s-Sur Leone Ganado jirtira dak id-diskors li qal fuqi u jitlob skuża tal-insult li għamel fil-konfront tiegħi bħala ġurnalista u Kap tal-Aħbarijiet ta’ TVM, iżda wisq iktar bħala mara ta’ integrità f’xogħolha mal-istazzjon nazzjonali, kif ukoll fil-konfront tan-nisa bħali li jkunu qed sempliċiment jaqdu d-doveri tagħhom.”

L-IĠM jingħaqad mal-appell tal-Kap tal-Aħbarijiet ta’ TVM biex dan l-abbuż jiġi rtirat minnufih u tittieħed azzjoni mill-Hate Crime and Speech Unit.

Hu ta’ għajb li fis-soċjetà hawn min għadu jaħseb li hu aċċettabli li jgħaddi kummenti misoġinisti bħal dawn, speċjalment fil-konfront tal-ġurnalisti li jkunu qed jagħmlu xogħolhom, qal l-IĠM fi stqarrija.

Dan hu kaz ieħor fi ftit aktar minn ġimgħa fejn il-ġurnalisti kienu taħt attakk fuq il-media socjali u l-IĠM tennew l-appell tagħhom lill-awtoritajiet biex jikkundannaw bil-qawwa dawn l-attakki fuq il-korp ġurnalistiku. Li ma tikkundannax attakki bħal dawn jagħmluk kompliċi. Li ma tikkundannax attakki bħal dawn iwassal messaġġ li dawn l-affarijiet huma aċċettabli.

Intant, l-IĠM din il-ġimgha ġie infurmat mill-korp tal-pulizija li l-każi ta’ attakk u theddid fuq il-ġurnalisti qed ikunu investigati. L-IĠM irringrazzjaw lill-korp li qed jieħu azzjoni u appellaw lill-pubbliku biex meta jara każi bħal dawn jibgħat screenshot lill-IĠM fuq info@igm.mt biex tgħinuna nindirizzaw il-każi