Internazzjonali

L-Italja: Enrico Letta hu l-Kap ġdid tal-PD li jinsab ‘fi kriżi profonda’

L-eks Prim Ministru Taljan,  Enrico Letta, hu l-Kap ġdid tal-Partit Demokratiku tax-xellug (PD) li hu t-tieni l-akbar partit fil-Gvern Taljan għall-Għaqda Nazzjonali li qed jitmexxa mill-Prim Ministru Mario Draghi.

Il-konferma ta’ Letta – li seba’ snin ilu kien dam Prim Ministru għal għaxar xhur biss qabel warrab mill-kariga – kien ikkonfermat waqt vot li ttieħed mill-Partit PD u meta hu kien l-uniku kandidat li preżenta ruħu għall-kariga.

Dan wara li l-Gvernatur ta’ Lazio, Nicola Zingaretti, kien warrab minn Kap tal-PD jiem ilu, fost ilmenti dwar ‘il-kritika li ma kienet qed taqta’ xejn’ mill-elementi tal-partit tiegħu stess. Zingaretti akkuża lill-partit b’li kien aktar ħsiebu ‘fil-ġlied intern’ milli fl-isfidi nazzjonali – fosthom il-kampanji lokali għat-trażżin tal-coronavirus.

Intant, Nicolas Zingaretti, issa, qed jissemma bħala kandidat potenzjali għal Sindku ta’ Ruma, bl-elezzjonijiet speċifiċi għandhom isiru ‘il quddiem din is-sena.

Il-Partit tal-PD, fl-aħħar jiem, qata’ lura sew fl-istħarriġ tal-opinjoni u Enrico Letta ammetta li dan il-partit, bħalissa, jinsab fi kriżi profonda. Letta qal li hu deċieda biex imexxi dan il-partit ‘minħabba l-imħabba tiegħu għall-politika u għaliex jemmen bis-sħiħ fil-valuri demokratiċi’.

Il-PD kien parti integrali mill-koalizzjoni preċedenti taċ-ċentru-xellug taħt it-tmexxija tal-eks Prim Ministru Giuseppe Conte u li krollat f’Jannar meta Matteo Renzi irtira l-appoġġ tal-partit ġdid tiegħu, bl-isem Italia Viva.

Intant, il-PD għadu t-tieni partit ‘ewlieni’ fil-Gvern li twaqqaf ix-xahar li għadda taħt Mario Draghi, li hu l-eks Kap tal-Bank Ċentrali tal-Ewropa. Il-koalizzjoni ta’ Draghi għandha l-appoġġ ta’ kważi l-gruppi politiċi ewlenin kollha fl-Italja.