Ilbieraħ, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) kellu l-Laqgħa Ġenerali Annwali tiegħu li matulha ġew approvati kemm ix-xogħol tal-Kunsill għas-sena li għaddiet kif ukoll ir-rapport finanzjarju.
Il-Bord tal-Kontroll irċieva 15-il nomina għall-Kumitat Eżekuttiv 2021/23 u għalhekk saret elezzjoni fejn total ta’ 29 Għaqdiet Membri kienu eliġibbli għal vot. Tressqu wkoll nominazzjonijiet għall-Bord tal-Kontroll u l-Kummissjoni Elettorali, bil-kandidati tal-aħħar kollha approvati nem con.
Din l-AGM saret wara EGM organizzata fis-27 ta’ Frar 2021 fejn ġew approvati diversi bidliet strutturali. Dawn il-bidliet issimplifikaw il-kompetenzi tal-Kumitat Eżekuttiv sabiex ikun jista’ jaħdem b’mod kongruwenti mal-organu tad-Direttorati li għadu kemm ġie maħluq bl-għan li jiffaċilita aktar kompetenzi teknokratiċi fil-Kunsill.
Il-Kumitat Eżekuttiv il-ġdid tal-KNŻ, hekk kif elett mill-Għaqdiet Membri, hu magħmul minn:
President – Liam Axisa
Viċi President – Celine Talbot
Segretarju Ġenerali – Kristina Filletti
Uffiċjal Finanzjarju – Mike Borg
Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi – Yacopo Baldacchino
Kummissarju għas-Servizzi taż-Żgħażagħ – Veronika Sytnyk
Uffiċjal Internazzjonali – Nigel Caruana
Uffiċjal Nazzjonali – Gianluca Vella
Uffiċjal tal-Avukatura – Jacob Callus
Il-Kumitat Eżekuttiv irringrazzja lill-amministrazzjoni preċedenti mmexxija minn Chiara Vassallo għax-xogħol iebes u d-dedikazzjoni tagħha matul dawn l-aħħar sentejn, fejn assigurat li tkompli rappreżentanza xierqa f’nofs pandemija globali.
Il-KNŻ saħaq li jinsab ħerqan biex ikompli l-ħidma fuq kwistjonijiet pertinenti għaż-żgħażagħ, billi juża l-istrutturi l-ġodda kollha stabbiliti.
Appena ħarġet din l-aħbar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech awgura lil Liam Axisa u lill-Kumitat il-ġdid tal-KNŻ.
//= $special ?>