Sport Sport Ieħor

Michael Zerafa jirtira lil Anthony Mundine b’K/O fl-ewwel rawnd

(Ritratt: Darren Howe)

Il-boxer Awstraljan Michael Zerafa rnexxielu jegħleb lil boxer Anthony Mundine b’K/O fl-ewwel rawnd, biex b’din it-telfa umiljanti Mundine rtira mill-isport tal-boxing.

Zerafa li għandu 28 sena, ħareġ tajjeb mal-ewwel fejn wera ħeffa u agressjoni fil-bidu tal-ġlieda. Wara biss minuta, Zerafa rnexxielu jsabbat lil Mundine mal-canvas, iżda dan tal-aħħar rnexxielu jqum fuq saqajh. Madanakollu, fit-tieni darba, wara serje ta’ daqqiet b’saħħithom, Mundine, li għandu 45 sena, ma felaħx ikompli l-ġlieda.

Wara l-ġlieda Zerafa stqarr li din il-ġlieda ilha f’moħħu għal ħmistax-il sena, fejn kien qal lil istess Mundine li se jiġġieled kontrih u jerbaħlu. Għalkemm Zerafa huwa Awstraljan, għandu rabtiet ma’ Malta għaliex missieru huwa Malti li emigra l-Awstralja.