Illejla Napoli għelbu lil Milan f’SanSiro bl-iskor ta’ 1-0. Riżultat li permezz tiegħu id-distakk ma’ Inter tela’ għal disa’ punti filwaqt li bir-rebħa ta’ Juventus fuq Cagliari id-distakk bejn Milan u Juventus niżel għal punt. Għal Rino Gattuso rebħa importanti li kompliet ittaffi l-pressjoni wara s-serje ta’ riżultati negattivi. Napoli telgħu fil-ħames post b’50 punt daqs Roma.
Wara li l-ewwel taqsima ntemmet bl-iskor ta’ 0 – 0 bid-difiżi rispettivi jiddominaw kull azzjoni offensiva wara biss erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Napoli marru fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ Piotr Zielinski kien MATTEO POLITANO li għeleb lil Donnarumma. Fil-ħin miżjud tkeċċa għal Milan , Ante Rebic wara foul fuq Elsaid Hysaj għadda kummenti fil-konfront tar-referee Fabrizio Pasqua li keccieħ.
Inter kellhom jitħabtu mhux ftit sabiex għelbu lil Torino barra minn darhom bl-iskor ta’ 2-1. B’din ir-rebħa Inter komplew jiftħu id-distakk f’ras il-klassifika b’65 punt, filwaqt li Torino baqgħu fiż-żona relegazzjoni b’20 punt. Bl-ewwel taqsima tintemm mingħajr gowls, Inter marru fil-vantaġġ fit-62 minuta meta Armando Izzo waqqa’ lil Lautaro Martinez fil-kaxxa, bir-referee jordna penalty. Mill-ħdax-il metru l-attakkant prolifiku ROMELU LUKAKU ma żbaljax għal 1-0. Madanakollu Torino ġabu l-gowl tad-dro fis-70 minuta meta mill-ewwel tentattic ta’ Simone Zaza, il-gowlkiper HANDANOVIC salva tajjeb, biex mit-tieni tentattiv kien ANTONIO SANABRIA li tefa’ ġewwa għal 1-1. Iżda Inter komplew jfittxu l-gowl tar-rebħa u proprju fil-85 minuta skorjaw il-gowl tagħhom it-tliet punti. Kien iċ-Cilen Alexis Sanchez li t efa’ cross preċiż li sab lil Arġentin LAUTARO MARTINEZ li b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil gowlkiper ta’ Torino għal skor finali ta’ 2-1.
Juventus għelbu lil Cagliari bl-iskor ta’ 3-1 bil-protagonista jkun CRISTIANO RONALDO li mhux biss skorja hat-trick perfetta iżda kiser ir-rekord ta’ Pele fejn sar l-aktar plejer li skorja gowls fil-karriera tiegħu. L-ewwel gowl wasal fl-10 minuta meta permezz ta’ RONALDO filwaqt li fil-25 minuta l-istess plejer irdoppja minn penalty. Fit-32 minuta RONALDO għaqqad il-hat-trick, bil-gowl ta’ Cagliari jasal fis-61 minuta minn GIOVANNI SIMEONE.
Fl-ewwel partita skedata illum, fl-iStadio Renato Dall’Ara Bologna għelbu lil Sampdoria bl-iskor ta’ 3-1. B’hekk b’din ir-rebħa Bologna telgħu fit-tnax-il post tal-klassifika b’ 31 punt, punt biss taħt it-tim li ħareġ tellief Sampdoria, li jinsabu fil-ħdax-il posizzjoni. Bologna marrru fil-vantaġġ fis-27 minuta permezz ta’ MUSA BARROW wara cross preċiż mingħand Rodrigo Palacio.
Madanakollu, Sampdoria kisbu l-gowl tad-dro fis-37 minuta meta minn cross ta’ Tommasso Augello, kien FABIO QUAGLIARELLA li kkonkluda b’volley fil-lasti ta’ Sampdoria. Iżda Bologna reġgħu irrispondew fil-41 minuta meta minn pass ta’ Musa Barrow, kien l-Isvediż MATTIAS SVANDBERG li tefa’ ġewwa għal 2-1. Bologna għalqu l-partita fis-70 minuta meta minn pass preċiż ta’ Mattias Svandberg, din id-darba kien ROBERTO SORIANO li għamel l-iskor 3-1. Bologna ħasbu li żiedu ir-raba’ gowl fis-76 minuta meta Nicola Sansone kkonkluda ġewwa, iżda wara konsultazzjoni mal VAR, il-gowl ġie mħassar għal offside, bil-partita tintemm bi skor finali ta’ 3-1.
Fl-iStadio Ennio Tardini Parma ħasdu lil Roma u għelbuwhom bl-iskor ta’ 2-0. B’din it-telfa Roma baqgħu barra mill-postijiet taċ-Champions League fejn jinsabu fil-ħames post tal-klassifika b’50 punt. Min-naħa l-oħra din ir-rebħa tiswa mitqlu deheb hekk kif għalkemm baqgħu fid-dsatax-il post tal-klassfika, qawwew it-tamiet tagħhom li jsalvaw hekk kif ġew tliet punti biss taħt Cagliari li jinsabu fis-sbatax-il post. Parma marru fil-vantaġġ kmieni fil-partita meta fid-disaż minuta kien Dennis Man li tefa’ cross tajjeb, biex sab lil VALENTIN MIHAILA li kkonkluda ġewwa għal 1-0.
Parma rduppjaw kmieni fil-bidu tat-tieni taqsima, meta fil-55 minuta ngħataw penalty għal fawl ta’ Roger Iabnez fuq Graziano Pelle. Mill-ħdax-il metru HERNANI ma żbaljax għal skor finali ta’ 2-0.
Il-Ġimgħa; Lazio v Crotone 3-2, Atalanta v Spezia 3-1
Ilbieraħ; Sassuolo v H.Verona 3-1, Benevento v Fiorentina 1-4, Genoa v Udinese 1-1 Illum; Bologna v Sampdoria 3-1, Parma v Roma 2-0
Torino v Inter 1-2, Cagliari v Juventus 1-3, Milan v Napoli 0-1