Futbol Sport

Penalty ta’ Lacazette jagħti rebħa lil Arsenal fid-derby ma’ Tottenham

(Ritratt: EPA)

Arsenal kisbu rebħa, 2-1, mill-aktar meritata ma’ Tottenham Hotspur fid-derby ta’ North London u għal riżultat li taffa t-tamiet ta’ Spurs għal post finali mal-ewwel erba’ tims tal-Premier League li jkun ifisser kwalifikazzjoni għaċ-Champions League. Arsenal fetħu tajjeb bi Smith Rowe jolqot il-mimduda wara sensiela ta’ pressjoni fuq id-difiża ta’ Tottenham – madankollu kienu Spurs li kisbu l-vantaġġ meta l-midfielder Arġentin Erik LAMELA (33) sab ir-rokna tax-xiba b’’rabona’ inkredibbli għal wieħed mill-isbaħ gowls tal-istaġun.

Arsenal imbagħad reġgħu laqtu l-lasta mit-tentattiv ta’ Soares iżda qabel il-mistrieħ l-isforzi tagħhom kienu premjati, b’Martin ODEGAARD (44) jara x-xutt tiegħu jixxellef għal ġewwa wara li l-ballun ħabat mad-difensur ta’ Spurs Alderweireld. It-tieni 45 minuta ma kenux nieqsa mill-azzjonijiet u inċidenti b’Arsenal jibqgħu superjuri għall-avversarji sakemm wasal il-mument deċiżiv meta Davinson Sanchez iffawlja lil Alexandre Lacazette fil-kaxxa għal penalty ċar. L-istess LACAZETTE (64) inkariga ruħu mill-ħdax-il metru biex bagħat lill-gowlkiper Lloris in-naħa l-oħra, għat-12-il gowl personali tal-istaġun.

L-affarijiet komplew ġejjin ħażin għal Spurs meta, kwarta mit-tmiem, tkeċċielhom Lamela li ntwera tieni karta safra talli għolla jdejh f’wiċċ id-difensur avversarju, Kieran Tierney. Spurs kważi kisbu dro mhux immeritat meta l-freekick ta’ Harry Kane stampa mal-lasta, b’Gabriel, sekondi wara, jaqla’ t-tentattiv ta’ Sanchez minn fuq il-linja meta l-ballun deher destinat għal ġewwa. Minkejja r-rebħa Arsenal xorta waħda għadhom jokkupaw l-għaxar post fil-Premier League, bi Spurs jinsabu fis-seba’ post, b’distakk ta’ sitt punti mar-raba’ tim, Chelsea.

Brighton kisbu rebħa importanti barra minn darhom għall-ispejjeż ta’ Southampton biex qawwew qalbhom li jżommu posthom mal-kbar fl-istaġun li ġej. Għall-kuntrarju, din it-telfa xeħtet lis-Saints f’aktar inkwiet meta huma jinsabu f’taqtigħa diretta ma’ erba’ tims oħra li qed jippruvaw jitbiegħdu ‘miz-zona l-ħamra tal-klassifika. L-ewwel gowl f’dan id-derby tas-south-coast wasal minn daqqa ta’ ras tad-difensur ta’ Brighton Lewis DUNK (16) fuq korner, b’Southampton jiksbu d-dro minn volley ta’ Che EVANS (27). Il-logħba baqgħet kumbattuta iżda fis-56 minuta wasal il-gowl kruċjali li deċieda l-konfront meta Leandro TROSSARD irċieva mingħand Welbeck qabel venven xutt li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Forster u li ssiġilla l-punti għal Brighton.

Leicester City komplew jinsistu għal post fit-Top Four fejn ġabu fix-xejn lil Sheffield United fil-King Power Stadium bħalma jindika l-iskor finali, 5-0 – u fejn l-eroj tal-Foxes kien Kelechi Iheanacho li skorja hat-trick stupend.
Ir-riżultat hu indikattiv taż-żmien diżastruż li għaddejjin minnu l-Blades li jiem ilu keċċew lill-manager Chris Wilder u ma kienx hemm dubju dwar id-destinazzjoni tal-punti ladarba IHEANACHO fetaħ l-iskor fid-39 minuta. L-erba’ gowls l-oħra ta’ Leicester, intant, waslu kollha fit-tieni taqsima mill-istess Iheanacho (69,78) Perez (64) u Ampadu (awtogol fit-80 minuta).

Manchester United kisbu rebħa mill-aktar importanti fuq West Ham United f’Old Trafford biex qabżu għal darb’oħra t-tieni u fejn anki għamlu pass kbir importanti biex jagħlqu l-impenji tal-istaġun mal-ewwel erba’ tims tal-ogħla kampjonat. Għalkemm ir-Red Devils iddominaw lill-avversarji għal ħafna ħinijiet kellu jkun awtogol ta’ Craig Dawson, kmieni fit-tieni taqsima, li aċċerta l-punti għat-tim ta’ Ole Gunnar Solskjaer. L-iżblokk wasal fil-53 minuta meta DAWSON għeleb lill-gowlkiper tiegħu Fabianski wara corner mogħti minn Bruno Fernandes. Kien Fabianski li żamm lill-Hammers fil-logħba, bil-gowlkiper isalva diversi tentattivi perikolużi – b’mod partikulari tentattiv ta’ Mason Greenwood fejn il-ballun anki ħabat mal-lasta fl-istess azzjoni. Fit-tieni taqsima, Greenwood ikkonkluda kontra-attakk perikoluż għal Unted b’tentattiv ieħor li stampa mal-lasta, b’Fabianski megħlub għal kollox.

Il-Ġimgħa; Newcastle v Aston Villa 1-1, Ilbieraħ; Leeds v Chelsea 0-0, C’Palace v West Brom 1-0, Everton v Burnley 1-2, Fulham v Man City 0-3
Illum; Southampton v Brighton 1-2, Leicester v Sheff Utd 5-0, Arsenal v Tottenham 2-1, Man Utd v West Ham 1-0 Għada; Wolves v Liverpool 9.00pm