“Ma nistgħux inħarsu f’wiċċ in-nies u ngħidulhom li kollox sew. Ma nistgħux nidħqu bin-nies, irridu ngħidu l-verità. Il-poplu Malti u Għawdxi għandu bżonn politiċi li jgħidu l-verità u jkunu trasparenti. Il-poplu Malti għandu bżonn min jieħu d-deċiżjonijiet.” – Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien intervistat mill-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ TVM Norma Saliba.
Bernard Grech kien ċar ħafna meta spjega għalfejn il-PN qed jibqa’ jisħaq biex tissejjaħ ‘Emerġenza tas-Saħħa’ f’pajjiżna. Dan għaliex, permezz ta’ dan, il-poter ikun għand is-Suprintendent tas-Saħħa u mhux għand il-politiċi. Hu fakkar kif meta kellna dan l-istat ta’ emerġenza numru ta’ xhur ilu, pajjiżna kellu lill-Profs. Gauci tieħu d-deċiżjonijiet fejn hemmek rajna l-każi jonqsu. “Meta l-istat ta’ emerġenza tneħħet u beda jieħu d-deċiżjonijiet il-politiku, in-numri żdiedu.” Hawnhekk Bernard Grech kwota rapporti minn gazzetti tal-Ħadd li wrew kif pajjiżna tneħħa minn stat ta’ ‘Emergenża tas-Saħħa Medika’ lura f’Ġunju tal-2020, mhux fuq parir tal-esperti tas-saħħa.
Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-proposta tal-PN biex jinħoloq bord li minnu jittieħdu d-deċiżjonijiet fir-rigward tal-Pandemija. “Aħna rridu li jkun hemm esperti mediċi indipendenti biex ikun hemm trasparenza sħiħa fuq il-pariri li jagħtu. Il-politku m’għandux jindaħal.” Hawnhekk Bernard Grech reġa’ stqarr li għandu fiduċja sħiħa fis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci, pero fakkar kif “il-Gvern qed jindaħal fid-deċiżjonijiet tagħha u tal-esperti li jaħdmu magħha.”
Mistoqsi dwar r-rekord ta’ każi li kellna fl-aħħar ġimgħat, Bernard Grech qal li “din is-sitwazzjoni ħarbet minn idejn il-Gvern. Aħna ilna ngħidu li kien hemm bżonn li nieħdu miżuri ħafna iktar qabel.” Hu spjega kif il-PN qed ikompli jisħaq li għandna ndaħħlu screening aktar effettiv u komplut fl-ajruport u fil-portijiet tagħna.
Tul din l-intervista l-Kap tal-PN stqarr li l-vaċċin huwa għodda importanti u spjega kif il-PN ta numru ta’ proposti lill-Gvern biex dan il-proċess jitjieb u dejjem ikun aħjar. Barnard Grech fakkar kif kien il-PN li ppropona li t-tobba u l-ispiżjara jgħinu f’dan il-proċess, proposta li parti minnha issa se tibda tiġi addottata.
Mistoqsi fuq l-effettività tal-miżuri li ddaħħlu fl-aħħar jiem, Bernard Grech qal li m’għandhomx ikunu l-politiċi li jiddiskutu l-miżuri imma l-esperti mediċi. Il-Kap tal-PN saħaq li dawn il-miżuri kellhom jittieħdu qabel, appena wasal il-varjant f’pajjiżna f’Diċembru. “Fejn tidħol il-mediċina u s-saħħa, il-prewkazzjoni hija mportanti daqs il-kura.” Bernard Grech saħaq li “importanti li nibqgħu ngħidu xi stajna għamilna aħjar, importanti nirrikonoxxu fejn żbaljajna.”
Il-Kap tal-PN spjega kif hemm numru ta’ pajjiżi minn madwar id-dinja, li qed jiftħu biex jilqgħu t-turisti mill-ġdid għax il-każi qed jonqsu. “Dan għaliex ħadu l-miżuri fil-ħin u meta kien hemm bżonn. Evidenti li l-Gvern Laburista tilef il-kontroll. Importanti li nimxu mad-direzzjoni tal-esperti mediċi u nkunu responsabbli biex jirnexxielna nniżżlu n-numri.”
Il-Kap tal-PN saħaq li hemm bżonn trasparenza fir-roll-out tal-vaċċin. Hu fakkar kif fl-aħħar jiem il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qalet li min qed jagħti l-vaċċin m’għandux il-lista ta’ min imissu jieħu l-vaċċin.
Meta mistoqsi dwar l-andament tal-għoti tal-vaċċin f’pajjiżna, Bernard Grech saħaq li “il-mument li nieqfu nippruvaw intejjbu dan il-proċess ikun ifisser li nibdew sejrin lura. Le mhux kuntent, irrid iżjed, irrid rata iktar mgħaġġla ta’ tilqim kuljum. Nieħu pjaċir li l-Ministru Chris Fearne qed jisma’ minn dan il-parir. Irridu r-rata li tkun aħjar. Din mhux tiġrija mal-pajjiżi l-oħrajn, din tiġrija magħna nfusna, tiġrija mas-saħħa tan-nies. Ejja insibu kull mezz biex nistgħu intejjbu l-vaċċinazzjoni f’Malta u f’Għawdex.”
Tul din l-intervista, Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-contact tracing fejn stqarr li l-PN nsista biex il-Gvern jinvesti f’dan il-qasam, li skont rappurtaġġ fil-gazzetti tal-Ħadd, qiegħed 9 t’ijiem b’lura.
Il-Kap tal-PN qal li l-anzjani u l-vulnerabbli tagħna ilhom sena maqfulin f’darhom. “Din hija r-realtà, għandek tfal b’diżabiltà li ma jistgħux jattendu skola. Lil dawn it-tfal u lill-ġenituri tagħhom kif tista’ tgħidilhom li qed ngħixu f’’Ġenna.”
Mistoqsi mill-Kap tal-Aħbarijiet ta’ TVM dwar l-ekonomija u d-daqqa li ħalliet fuqha l-pandemija, il-Kap tal-PN qal li “iktar kemm nikkontrollaw in-numri ta’ każi ġodda tal-COVID-19, inqas indumu fil-problema tal-pandemija u iktar l-ekonomija tista’ tmur ‘il quddiem malajr. Li kieku konna attenti u ħadna miżuri qabel, illum stajna nibdew niftħu. Meta kellna noqgħodu attenti ma qadniex u issa qed inbagħtu l-konsegwenza.”
Intant, fl-aħħar ġimgħat, il-PN kompla joħroġ aktar proposti konkreti għall-ġid tal-familji Maltin u Għawdxin. Filfatt, tul din -intervista, Bernard Grech kien mistoqsi dwar dan fejn fost l-oħrajn fakkar kif il-PN vara pjan ta’ 30 sena fis-settur tal-enerġija li se jħalli iktar flus fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin filwaqt li jibża’ iktar għall-ambjent. “Aħna nħarsu fil-bogħod, permezz ta’ ġenerazzjoni ta’ niċċeċ ġodda li minnhom jiżdied id-dħul ta’ pajjiżna. Ejja niftħu iktar, m’għandekx għalfejn taxxi ġodda jekk tkun taf fejn għandek tmur.”
Mistoqsi dwar il-pjan li vara l-PN dwar l-involviment tan-nisa fil-politka tal-pajjiż, Bernard Grech stqarr li l-mekkaniżmu li qed jiġi diskuss bħalissa fil-Parlament mhux biżżejjed. “L’għan tagħna hu li n-nisa jkunu jistgħu jaħdmu fil-politka mingħajr diffikultajiet żejda. Fosthom sistema ta’ politiċi professjonali fejn kemm irġiel u kemm nisa jkunu jistgħu jkollhom paga diċenti mill-politka u jkunu jistgħu jiffokaw fuq il-ħidma parlamentari tagħhom.”
Norma Saliba staqsiet dwar is-settur ambjentali fejn Bernard Grech saħaq li rridu naraw fejn se ntejjbu. Hu stqarr li “l-iżvilupp huwa neċessarju pero jrid ikun żvilupp sostenibbli.” Il-Kap tal-PN spjega kif il-bniedem irid ikun fiċ-ċentru tal-polikta u l-ambjent irridu ntejbuħ għal kulħadd.
Mistoqsi dwar il-pjan għall-mina bejn Malta u Għawdex, Bernard Grech qal li l-PN minn dejjem kien favur din il-mina, filfatt dak li ppropona l-PN qabel miegħu l-Partit Laburista madanakollu Bernard Grech qal li hemm Għawdxin li qed tinkwetahom il-mina u allura “irridu naraw li dak kollu deċiż ikun għall-aħjar tal-Għawdxin.”
Mistoqsi dwar il-problema tal-kirjiet, Bernard Grech fakkar li l-Gvern ta kas din il-problema wara li kien il-PN li tkellem dwarha u tellaħħa fuq l-aġenda nazzjonali. Il-Kap tal-PN saħaq li tajjeb li jinstabu solużżjonijiet għaliex “mill-Oppożizzjoni irridu naraw li l-ġid isir.” Bernard Grech appella biex il-liġijiet tagħna ma jibqgħux antikwati sabiex problemi li qed joħorġu minħabba dawn il-liġijiet ikunu eliminati. Hu saħaq li l-PN se jibqa’ joffri l-proposti tiegħu f’dan ir-rigward ukoll.
Tul l-intervista, il-Kap tal-PN kompla jispjega l-viżjoni tiegħu għal Malta u Għawdex kif ukoll il-viżjoni għall-PN. “Fejn hemm bżonn nieħu deċiżjoni noħodha ma nibżax. Id-deċiżjonijiet noħodhom għall-ġid tal-PN u għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.” “Kull min irid jipparteċipa u jaħdem jien se ntiħ l-ispazzju.”
Mistoqsi dwar il-kredibiltà tal-PN fir-rigward tal-governanzna, Bernard Grech qal li l-PN mhux il-partit li jipproteġi l-kriminali. “Irridu biss il-ġid tal-poplu Malti, biex il-ħajja tal-poplu tkun aħjar.”
Mistoqsi dwar l-għaqda nazzjonali, Bernard Grech fakkar kif meta sar Kap tal-Oppożizzjoni kien talab laqgħa ma’ Robert Abela iżda l-Prim Ministru kien qallu li jidħol Kastilja meta jirbaħ l-elezzjoni. Il-Kap tal-PN saħaq li se jibqa’ jaħdem favur l-għaqda nazzjonali għaliex “jekk il-politiċi maturi u serji jaħdmu għal għan wieħed igawdi kulħadd.”
//= $special ?>