Rapporti zvelaw kif l-eks Kap Eżekuttiv tal-Malta Gaming Authority Heathcliff Farrugia ipprova jipprevjeni l-pubblikazzjoni ta’ rapport dwar ħasil tal-flus b’rabta mal-casinos li kien imexxi l-imprenditur Yorgen Fenech.
Iż-żewġ casinos, li dak iż-żmien kienu mmexxija minn Fenech bħala l-Kap Eżekuttiv, kienu suġġetti għal spezzjoni ta’ konformità konġunta mill-FIAU u l-MGA fl-2018 …biex tiġi żgurata li qed isegwu liġijiet biex jipprevjenu l-ħasil tal-flus.
Skont is-Sunday Times….l-ispetturi sabu diversi ksur ta’ dawn il-liġijiet, inkluż “falliment sħiħ” fejn jidħlu ‘source of funds’ tal-klijenti tal-casino. Is-sejbiet enfasizzaw ukoll kif l-uffiċjal tal-casino inkarigat minn rappurtar ta’ ħasil tal-flus saba diffiċli biex juri l-għarfien tiegħu tal-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus. Sar maghruf ukoll li allegatament kien hemm nuqqas ta’ monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet.
F’chat minn naha ta’ Yorgen Fenech f’Settembru tal-2019 wara li l-FIAU bagħtet avviż tal-ksur, Farrugia assigura lill-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li kien qed jipprova “jirbaħ il-ħin.” Skont ir-rapport ippublikat mit-Times, Farrugia kien qal lil Fenech li “mhuma se jippubblikaw xejn għalissa.”
Heathcliff Farrugia saħansitra qal lill-Yorgen Fenech li kien qed jipprova joħroġ twissija minflok multa.
Hekk kif il-messaġġi bejn it-tnejn komplew jiżdiedu, il-Kap Ezekuttiv tal-MGA assigura lis-sid tal-kumpanija 17 Black li l-ispezzjoni tal-casinos ma kienet xejn personali kontrih. “Mhux personali Yur”, kitiblu Heathcliff Farrugia.
Farrugia, li telaq mir-rwol tiegħu fl-MGA f’Ottubru li għadda, allegatament qal lil Fenech li r-regolamenti kontra l-ħasil tal-flus huma “stretti wisq”. Hu qal lil Fenech li kien ċert li setgħu jagħmlu progress mal-FIAU. “Ma rridux li dan isir pubbliku għax se jeskala bla bżonn u jispiċċa mal-grupp ta’ Daphne,” qal Farrugia lil Fenech, xahrejn qabel ma kien arrestat b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Ir-referenza tal-grupp ta’ Daphne minn Farrugia ġiet wara li Fenech irrimarka kif il-blogger Manuel Delia kien bagħatlu mistoqsijiet dwar ix-xejriet ta’ logħob f’Portomaso minn wieħed mis-suspettati fil-qtil tal-ġurnalista.
Heathcliff Farrugia ħeġġeġ lil Yorgen Fenech biex jibgħat kemm jista’ jkun dettall fi tweġiba għall-ittra tal-FIAU dwar is-sejbiet. U l-Kap Eżekuttiv tal-MGA saħansitra offra li jgħin f’dawn it-tweġibiet.
//= $special ?>