Lokali Qorti

Tnejn mixlija b’rabta ma’ serqa minn dar ta’ koppja anzjana fid-dawl tax-xemx

Żewġ irġiel baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv wara li ġew mixlija quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li nhar il-Ħadd li għadda bejn is-1.30pm u s-2.30pm daħlu f’residenza ta’ koppja anzjana fi Triq il-Vitorja, Ħal-Qormi fejn insterqu ammont ta’ flus kontanti u oġġetti.

Skont il-Prosekuzzjoni, Patrick Mangion ta’ 47 sena li ma jaħdimx u residenti il-Belt u Brian Agius ta’ 42 sena li jaħdem mal-kumpanija Playmobile u residenti is-Siggiewi, qagħdu josservaw lill-koppja ħierġa mid-dar u ftit wara tliet irġiel daħlu jisirqu filwaqt li Agius kien il-persuna li wassal lill-ħallelin li jirrendih bħala kompliċi fil-każ.

L-Ispettur Roderick Agius qal li Mangion ġie identifikat minn filmati ta’ kameras tas-CCTV. Qal li minn investigazzjonijiet aktar profonda irriżulta li Agius wassal lil Mangion u żewġ persuni oħra biex iwettqu s-serqa.

L-akkużati għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest bill-Prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha peress li l-investigazzjoni għadhom għaddejja u peress li hemm żewġ persuni oħra involuti u peress li Mangion u Agius mhumiex persuni affidabbli.

Mangion mhuwiex wiċċ ġdid mal-Pulizija u diġà ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor u qed jiffaċċja akkużi li sar riċediv. Agius, qalet il-prosekuzzjoni filwaqt li l-indirizz fuq il-karta tal-identità jgħid li huwa Ħaż-Żebbuġ u qed jgħix m’ommu s-Siġġiewi u sa ftit ilu ma kellux fejn joqgħod.

L-Avukati Amadeus Cachia u Franco Debono li deheru għal Agius qal li l-klijent tagħhom ma deherx fil-filmati u lill-Pulizija qalilhom li huwa minnu li kienu hu li wassallhom bil-karozza tiegħu Ħal-Qormi u telaq minn fuq il-post, iżda ma kienx jaf li wassallhom biex imorru jisirqu. Għal Mangion qed jidher l-Avukat Victor Bugeja.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża li jistgħu jiġu kontaminati l-provi u għax l-investigazzjoni għadha għaddejja, u peress li l-akkużati għandhom kondotta kkulurita u voluminuża u fil-każ ta’ Agius għax dan m’għandux indirizz fiss.