Jekk il-Gvern mhux se jindirizza b’immedjatezza u b’serjetà lis-servizzi tas-Saħħa f’Mater Dei allura resqin lejn kollass totali – Infermiera fit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei
“Is-sitwazzjoni fit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei hi waħda taħt stress kbir għal dawk kollha li qegħdin iservu fiha. Il-volum tax-xogħol mhux irdoppja, iżda aktar milli rdoppja u minbarra l-pazjenti li jiġu hawnhekk, aħna wkoll spiċċajna vittma tan-nuqqas ta’ ippjanar.”
Din kienet id-dikjarazzjoni li għamlu ma’ il-mument numru ta’ infermiera li jservu fit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei li tkellmu magħna fit-tul dwar dak li għaddejjin minnu bħalissa.
Bdew biex qalulna li huma ma bdewx ilbieraħ iservu fit-Taqsima tal-Emerġenza, iżda qatt daqs dawn iż-żminijiet ma żdied daqstant ix-xogħol.
“Aħna mdorrijin nindunaw meta tkun ġurnata ta’ xogħol normali għal ġurnata ta’ xogħol fejn ikun hemm aktar xogħol mis-soltu.
“Bħalissa dan kollu nsieh. Bħalissa kull ġurnata xogħol hi bħal ħmar il-lejl. Tidħol u ma tafx x’se ssib għajr għal volum kbir ħafna ta’ xogħol. Qed naħdmu taħt stress kbir. Pazjenti deħlin u ħerġin. Flok tispiċċa tittratta lin-nies, tispiċċa tqis lin-nies bħala numri. Dan m’għandux ikun u aħna niġġieldu dan il-ħsieb il-ħin kollu, iżda l-verità hekk hi. M’għandekx ċans tagħti kura personalizzata, iżda kura lil xi ħadd li jkollok quddiemek. Tfittex teħles minn min ikollok quddiemek biex ifittex jidħol ħaddieħor.”
Dawk li tkellmu ma’ il-mument komplew li l-istress hu kbir ħafna fost il-ħaddiema kollha fit-Taqsima tal-Emerġenza. Ibda mit-tobba u kompli fuq l-infermieri u dawk kollha li jservu f’din it-Taqsima. “Ħafna drabi anqas ċans tieħu gidma ħobż ma jkollok. Il-pressjoni tax-xogħol kibret wisq u ta’ xejn tkellimna biex l-affarijiet jitranġaw, għaliex fil-verità l-affarijiet qed imorru mill-ħażin għall-agħar bil-vittmi jkunu l-istess pazjenti għaliex ma tingħatalhomx l-attenzjoni sħiħa li jkollhom bżonn, u aħna li qisna robots.”
Qalulna li tant qed jaħdmu fi stress kbir li ħafna drabi tispiċċa tbati l-komunikazzjoni bejniethom bħala staff mediku. “Fiċ-ċirkostanzi qed nagħmlu l-mirakli. Fiċ-ċirkostanzi qed nagħmlu l-impossibbli. Iżda issa l-affarijiet aggravaw ferm. Diġà konna bi staff nieqes meta kellna ċertu sodod, aħseb u ara issa meta żdiedu sew is-sodod u prattikament bħala staff bqajna l-istess!”
Komplew li wieħed irid japprezza li apparti mill-każijiet imsejħa ta’ kuljum relatati ma’ mard tal-qalb, inċidenti u każijiet oħrajn fejn persuna tkun admitted għall-Emerġenza, issa hemm għadd ta’ każijiet relatati mal-COVID-19. Mela għandna sitwazzjoni fejn prattikament fil-pajjiż hu post wieħed biss suppost mgħammar u adegwat biex jilqa’ għal dan il-volum kollu ta’ xogħol.
Huma żiedu li fil-jiem li għaddew fl-Isptar Mater Dei nfetħet il-ħames taqsima tal-ITU u min imexxi ftaħar b’dan il-pass… imma fil-fatt kemm żdied l-istaff mediku – tobba, infermieri u oħrajn – meta mqabbel mas-sodod li żdiedu?
Spjegaw li dawn l-affarijiet huma tat-tħassib għaliex se jkun hemm impatt negattiv fuq l-isptarijiet l-aktar fuq l-Isptar Mater Dei.
Il-Gvern irid jibda juri snienu
Huma fissru li l-Gvern irid juri snienu għaliex ma nistgħux nibqgħu f’sitwazzjoni fejn il-każi l-ġodda tal-COVID-19 jibqgħu jiżdiedu kif qed jiżdiedu, b’rekord wara ieħor u huma qed jispiċċaw il-vittmi ta’ min ma josservax il-prekawzjonijiet stabbiliti.
Filwaqt li fissru li f’dawn il-jiem kellna rekord ta’ każi ġodda ta’ Covid-19 – aktar minn 330 każ ġdid – dawn iż-żewġ infermieri ppreċiżaw li jekk fit-Taqsima tal-Emerġenza s-sitwazzjoni hi waħda aktar minn akuta, fl-istess Mater Dei hemm swali oħrajn fejn is-sitwazzjoni hi tat-tħassib u fejn qed jirriżultaw pazjenti pożittivi bil-COVID-19.
Huma qalu li kellhom kull raġun kemm l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u anki l-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN) meta appellaw lill-Awtoritajiet biex jindirizzaw is-sitwazzjoni li għaddejjin minnha fit-Taqsima tal-Emerġenza u fi swali oħrajn għaliex is-sitwazzjoni mhix aktar tenibbli minħabba li l-istaff ma jistax jibqa’ jlaħħaq mad-domanda u, fost l-oħrajn, infermieri fil-pajjiż qed jirriżulta li m’hawnx biżżejjed.
Sadattant matul din il-ġimgħa kien hemm numru ta’ persuni li fil-jiem ta’ qabel kellhom bżonn is-servizzi tat-Taqsima tal-Emerġenza iżda ħarġu diżappuntati bil-mod kif kienu servuti.
Kellna lmenti dwar dewmien esaġerat fis-sala tal-istennija tat-Taqsima tal-Emerġenza u damu ma kienu msejħa biex jarahom xi ħadd.
Ikompli jiżdied it-tħassib
Ilmenti dwar tħassib ta’ taħlit bejn il-pazjenti li jkunu qed jistennew biex jidħlu fit-Taqsima tal-Emerġenza. Pazjent qalilna li hu kien imwerwer mill-fatt li ma kienx jaf jekk in-nies l-oħrajn li kienu qed jistennew kienx hemm fosthom min kien pożittiv għall-COVID-19.
Pazjenta qaltilna kif il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda kellha tiddaħħal b’urġenza fl-Isptar Mater Dei minħabba wġigħ kbir f’żaqqha. “Ġew tnejn bl-ambulanza għalija. Tefgħuni wara fuq is-siġġu. Kont muġugħa tgħidx kemm… wara ftit waqajt minn fuq is-siġġu.
“Kif wasalna l-Emerġenza ma ridux li jkollhom kuntatt miegħi. Bdew jaħsbu li forsi kelli l-COVID-19. Qaluli biex immur inġib siġġu u noqgħod nistenna. Anqas siġġu tar-roti ma ġabuli.
“B’xi mod spiċċajt bilqiegħda fuq siġġu nokrob bl-uġigħ. Ma rani ħadd. Ma sejjaħli ħadd. Meta staqsejt meta se jarani xi tabib qaluli li fadalli ħafna x’nistenna.
“Lili daħħluni l-Isptar għall-ħabta ta’ nofsillejl… meta erġajt staqsejt meta se jarani tabib għaliex ma stajtx nissapporti aktar bl-uġigħ, qaluli probabbilment għall-ħabta ta’ nofsinhar! Nofsinhar?
“B’xi mod ċempilt u ġew għalija u ħaduni lura d-dar. Ġibt lit-tabib privat tiegħi u beda jagħtini l-kura hu. Skanta kif ma żammewnix jew tal-inqas kif ma tawniex ftit mediċina biex intaffi mill-uġigħ li kelli.”
Din il-pazjenta qaltilna li hi xorta waħda se jkollha tispiċċa l-Isptar għaliex għandha ċerti kumplikazzjonijiet… fwied maħmuġ, ġebel fil-marrara… “iżda qiegħda nibża’ nerġa’ mmur. Tgħidx x’konfużjoni kien hemm. Qauli li ma setgħux idaħħlu aktar pazjenti għaliex is-sodod kienu mimlija kollha!”
Każ ieħor kien ta’ pazjenta li kienet f’sala u din qaltilna li kellha ċerti kumplikazzjonijiet u għalhekk iddaħħlet għall-kura minħabba l-COVID-19 fl-Isptar Mater Dei.
“Bdejt ġejja għall-aħjar u fiqt. Iżda mbagħad meta fiqt kompletament u kont wasalt biex nintbagħat id-dar, tefgħuni f’sala oħra fejn kien hemm sitt pazjenti.
“Irriżulta li waħda minn dawn il-pazjenti kellha l-COVID-19… u erġajt dabbart kwarantina oħra! Imma dawn x’affarijiet huma?”
B’rabta mal-COVID-19 kienu diversi l-ilmenti li rċevejna matul din il-ġimgħa, inkluż dwar kjuwijiet twal. Imma interessanti każijiet ta’ anzjani li baqgħu ma kinux infurmati biex imorru jieħdu l-vaċċin.
Fl-għoti tal-vaċċin m’hemmx kontroll
Każ partikulari kien ta’ anzjana ta’ aktar minn 90 sena miż-Żurrieq li dakinhar li kellha tieħu l-vaċċin kienet ma tiflaħx. Għaliex l-appuntament kien sospiż għal jum ieħor. “Sal-lum dak il-jum għadu ma wasalx u kull meta t-tfal tagħha jċemplu għall-appuntament ma jingħataw l-ebda sodisfazzjon.”
Kollox jindika li fl-għoti tal-vaċċin m’hemmx kontroll strett biex jinżamm il-programm tal-għoti tat-tilqima u aktar mhuma jgħaddu ġranet, aktar qed ifeġġu każijiet li jqanqlu s-suspetti u l-abbużi li ċerti persuni nqabżu fil-kju ta’ stennija.
Il-Gvern qed jiċħad din l-allegazzjoni, iżda nies li jservu fis-Saħħa huma aktar minn moralment ċerti li qed isiru ammont ta’ abbużi.
Dwar dan fil-jiem li għaddew tkellem ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Gerch li nsista mal-Gvern biex iwieġeb għas-suspetti u r-rapporti li t-tilqim kontra l-COVID-19 mhux isir b’mod trasparenti.
Bernard Grech qal li l-poplu hu inkwetat bis-sitwazzjoni, aktar u aktar meta fl-aħħar ijiem Malta rrapportat mijiet ta’ każi ta’ infezzjonijiet; medja ta’ għaxar infezzjonijiet kull siegħa fejn issa l-każijiet pożittivi qabżu saħansitra l-500 każ ġdid f’jum wieħed u kellha tinfetaħ ukoll il-ħames ITU f’Mater Dei.
Hu esprima t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni preżenti fejn in-numru ta’ każi qed jiżdiedu b’periklu għas-saħħa u għall-ekonomija flimkien mad-dħul tal-familji. Hawn kollass tas-sistema tal-contact tracing; in-nies qed jissuspettaw ukoll li t-tilqim qed jingħata b’mod mhux trasparenti fejn persuni qed jieħdu t-tilqima qabel suppost.
//= $special ?>