Donna Camilleri ta’ 34 sena minn Santa Luċia ġiet ikkundannata 12-il xahar ħabs wara li ammettiet li flimkien ma’ persuna oħra serqet brazzuletta li tiswa’ €300 minn ħanut tad-deheb f’Raħal Ġdid. Hija nstabet ħatja wkoll li saret riċediva u li kisret diversi kundizzjonijiet mill-Qorti.
Camilleri ammettiet quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li fil-21 ta’ Jannar li għadda, ghall-habta 5.15pm. minn ġewwa De Paule Jewellery, li jinsab fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid wettqet is-serqa.
Ammettiet ukoll li għexet ħajja ta’ vagabuntaġġ u li għamlet reat ieħor waqt li kienet qegħda fil-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiza li ngħatat lillha fit-30 ta’ Novembru 2018.
Hija ammettiet li kisret il-provediment tal-Artikolu 7 tal-Kap. 446 tal-Liġijiet ta’ Malta b’sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Magistrati fl-10 ta’ Mejju 2019. Il-Qorti għaldaqstant ittrattat ma’ Camiller bħal persuna reċediva.
Il-Qorti ordnat wkoll li hija trodd lura kull haġa misruqa jew akkwistati bi qliegħ ieħor kontra l-liġi jew permezz tar-reat. Giet ikkundannata wkoll għall-hlas ta’ spejjes li jkollhom x’jaqsmu mal-ħatra ta’ esperti fil-proċeduri.
Il-Qorti meta ġiet biex tagħti l-piena ħadet in konsiderazzjoni min-naħa n-natura tar-reati li taghhom instabet ħatja u l-kondotta kkulurita tagħha u min naħa l-ohra l-ammissjoni tal-imputata fi stadju bikri tal-proċeduri.
Il-Qorti kkundannata tmien xhur priġunerija fuq is-serqa mill-ħanut f’Raħal Ġdid u ġabet fis-seħħ sentenza sospiza ta’ tliet xhur priġunerija moghtija fit-30 ta’ Novembru 2018 u ttrattat magħha għar-reati li tagħhom kienet instabet hatja f’l-10 ta’ Mejju 2019 daqs li kieku għada kif instabet ħatja fuqhom u dwar din ikkundannata xahar priġunerija. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kathleen Zerafa.