Lokali

AĠĠORNATA: Żewġ anzjani fil-periklu tal-mewt wara ħabta bejn żewġ vetturi f’San Ġwann

Raġel ta’ 84 sena u mara ta’ 77 sena ittieħdu l-Isptar Mater Dei wara li kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku f’San Ġwann. Mal-wasla tagħhom l-Isptar, sarilhom intervent mediku urġenti wara li t-tnejn kienu ċċertifikati li sofrew minn feriti serji u jinsabu fil-periklu li jitilfu ħajjithom.

Jirriżulta li, ftit wara l-10am, iż-żewġ anzjani kienu għaddejjin fil-karozza, tat-tip Toyota misjuqa mir-raġel, minn Triq Bellavista meta għal xi raġuni seħħet il-ħabta mal-vettura l-oħra, tat-tip Nissan. Din tal-aħħar kienet misjuqa minn raġel ta’ 45 minn Ħal Għargħur u li ma sofra l-ebda feriti.

Minbarra l-Pulizija, fil-post issejjaħ tim mediku b’Ambulnza u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. L-impatt bejn il-vetturi kien kbir tant li l-operazzjoni biex inħarġu l-anzjani kienet waħda delikata.

Huma ttieħdu l-Isptar, b’sorsi li tkellmu ma’ NET News qalu li appena nħarġu mill-karozza kienu mitlufin minn sensihom u ma setgħux jikkomunikaw.

(Ritratti: Martin Agius)