Internazzjonali

Covid-19: L-esperti jesiġu biex ikompli t-tilqim bil-vaċċin tal-AstraZeneca

Ir-regolatur tal-mediċini fir-Renju Unit qal li n-nies għandhom ikomplu jingħataw it-tilqima tal-AstraZeneca għal kontra l-coronavirus u li l-provi, s’issa, ma jissuġġerux li t-tilqima qed tikkaġuna t-trombożi fin-nies li jingħataw dan il-vaċċin.

Filwaqt li r-Renju Unit qed iħejji biex, sa ftit ġimgħat oħra, jibda jlaqqam liċ-ċittadini kollha ta’ ‘il fuq minn 50 sena, il-Professur Anthony Hamden, espert fil-qasam tat-tilqim, għamilha ċara li hu se jkompli juża t-tilqima tal-AstraZeneca. Hamden qal li ‘bl-ebda mod ma kien se jiddeċiedi li juża din it-tilqima li kieku l-vaċċin ma kienx sikur’.

Dan meta l-Olanda, fl-aħħar sigħat, saret l-aħħar pajjiż li sospenda l-użu tal-vaċċin tal-AstraZeneca bħala prekawzjoni u fejn segwa l-eżempju tan-Norveġja, id-Danimarka u r-Repubblika Irlandiża, fl-aħħar jiem.

Min-naħa tagħha l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina, li qed tanalizza l-effetti tat-tilqima tal-AstraZeneca, insistiet li l-benefiċċji tat-tilqima huma ferm akbar minn kwalunkwe element ta’ sogru.

Fl-istess ħin, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-vaċċin tal-AstraZeneca hu ‘sikur’ waqt li l-Finlandja għamlet ‘studju bir-reqqa’ fejn ma nstab ‘l-ebda element ta’ sogru partikulari’.

Il-Professur Andrew Pollard, id-direttur tal-Oxford vaccine group li żviluppa t-tilqima tal-AstraZeneca qal li ‘filwaqt li s-sigurtà tan-nies qed tingħata l-akbar priorità, ma nstabet l-ebda konnessjoni bejn dan il-vaċċin u l-każi tat-trombożi’. Pollard enfasizza ‘il-provi mill-aktar assikuranti li ma kienx hemm żieda fil-każi tat-trombożi fost in-nies li ngħataw it-tilqima fir-Renju Unit.’ Dan meta r-Renju Unit hu l-aktar pajjiż tal-Ewropa fejn tlaqqmu nies bil-vaċċin tal-AstraZeneca.

Fl-istess ħin, il-Professur Pollard wissa li d-dinja qed tiffaċċja sogru enormi mill-Covid-19 u meta ‘nuqqas tas’ tilqim fuq skala kbira għandu jfisser aktar għexieren ta’ eluf ta’ imwiet (mill-coronavirus) matul din is-sena’.

Fl-Istati Uniti, it-tabib Anthony Fauci – l-espert ewlieni dwar il-mard li jittieħed – issuġġerixxa li l-eks President Amerikan, Donald Trump jista’ jagħmel aktar biex jippromwovi t-tilqim kontra l-coronavirus. Fauci qal li l-intervent ta’ Trump, f’dan is-sens, jista’ ikun ferm importanti wara stħarriġ li jindika li sa 49 fil-mija tas-sostenituri Repubblikani tiegħu ma jridux jingħataw it-tilqima.

Trump għadu popolari ferm fost l-Amerikani Repubblikani u kull diskors tiegħu favur it-tilqima, skont Fauci, kapaċi jagħmel ‘id-differenza kollha’. Meta kien President tal-Istati Uniti, Trump żamm lura minn rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-kampanji tat-tilqim kontra l-Covid-19 – bl-Istati Uniti issa qed taqleb b’mod drastiku din il-politika, taħt il-President Amerikan attwali, Joe Biden.