Internazzjonali

Ġermanja: Disfatta fl-elezzjonijiet reġjonali għas-CDU ta’ Merkel

Il-Partit CDU ( fil-Gvern) tal-Kanċillier Angela Merkel sofra telfiet kbar f’żewġ elezzjonijiet reġjonali kruċjali li kienu provi validi ta’ fejn qed iħabbat il-polz tal-poplu qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Settembru.

Ir-riżultati wrew li s-CDU taċ-ċentru-lemin kiseb l-agħar riżultati (elettorali) fl-istorja fl-Istati ta’ Baden-Wurttemberg u Rhineland-Palatinate. Dan meta l-partit ta’ Merkel, qabel, dejjem kien ħareġ b’saħħtu mill-elezzjonijiet f’dawk iż-żewġ Stati meqjusa bħala fortizzi tradizzjonali tas-CDU.

Din id-disfatta  qed tidher dovuta għar-rabja fost il-poplu għal kif il-Gvern tal-Ġermanja rreaġixxa għall-kriżi relatata mal-pandemija tal-coronavirus.

L-infezzjonijiet bil-Covid-19 għadhom f’livelli għoljin fil-Ġermanja fejn ir-‘rollout’ tat-tilqim miexi wisq bil-mod u meta l-uffiċjali sabuha diffiċli li jnaqqsu r-restrizzjonijiet. Intant numru ta’ politiċi mas-CDU kienu warrbu fl-aħħar jiem minħabba allegazzjoniijiet li huma tħallsu il-‘commissions’ qawwija talli rranġaw ftehim għax-xiri tal-maskri tal-wiċċ.