Il-Bank of Valletta ħabbar li minn għada, 16 ta’ Marzu ser ikun qed jintroduċi aktar miżuri sabiex jiġu salvagwardjati l-klijenti u l-impjegati tal-banek fl-isfond tat-tixrid tal-pandemija tal-Covid-19.
Filwaqt li l-BOV ser ikun qed ikompli joffri s-servizzi tiegħu mit 38 fergħa u aġenzija madwar il-Gżejjer Maltin, il-bank ħabbar li ser ikun qed jillimita ċertu servizzi minn ċertu fergħat wara li ġie kkunsidrat ż-żieda fin-numru ta’ impjegati li jkunu taħt kwarantina kif ukoll anke minħabba numru ta’ ġenituri li jeħtieġu jibqgħu d-dar sabiex jieħdu ħsieb lill-uliedhom li qed jattendu għal-lezzjonijiet virtwali.
Dan filwaqt li s-servizz tal-kaxxiera se jkun qed isir bejn id-9:00 ta’ filgħodu u l-11:00 ta’ filgħodu. Ġie preċiżat ukoll li s-servizzi tal-kaxxiera mhux se jkunu disponibbli fil-fergħat ta’ Ħal Luqa, Marsaxlokk, l-Imsida, l-Imqabba, Santa Venera u Tas-Sliema.
Il-fergħat tal-Bank f’San Ġiljan u l-Mellieħa u l-Aġenzija tiegħu tax-Xewkija f’Għawdex se jingħalqu b’mod temporanju.
BOV spjega li l-ġbid ta’ flus kontanti minn għand il-kaxxiera ġewwa l-fergħat għandu jsir mill-inqas possibli u se jkunu jistgħu jinġibdu biss ammonti minn €700 ‘il fuq. Il-klijenti huma mitluba jużaw in-netwerk estensiv ta’ ATMs tal-Bank biex jiġbdu flus kontanti. Klijenti li m’għandhomx card tal-bank u għandhom inqas minn €700 fil-kont xorta jkunu jistgħu jiġbdu l-flus mingħand il-kaxxiera tal-fergħat.
Servizzi li mhumiex relatati ma’ ġbid ta’ flus, tisrif ta’ ċekkijiet u depożiti se jiġu offruti biss b’appuntament
Klijenti li ma jkunux qed jinqdew, se jkunu qed jistennew barra l-fergħa. Impjegati minn fergħat jew uffiċini oħra mhux se jitħallew iservu f’fergħat oħra sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ tixrid tal-virus bejn tim u ieħor.
Sfortunatament BOV innota li dan jista’ jirriżulta f’dewmien fis-servizz f’ċertu fergħat.
Il-Bank of Valletta jifhem li dawn il-miżuri jistgħu jikkawżaw ċertu inkonvenjent lil uħud mill-klijenti tiegħu u jiskuża ruħu għal kwalunkwe dewmien fis-servizz.
//= $special ?>