Bla dubju li l-Pulizija u l-membri kollha tal-forzi dixxiplinati huma frontliners ewlenin fil-ġlieda kontra l-pandemija. Hu minnu li diversi membri tal-Korp tal-Pulizija ntlaqtu mill-pandemija bil-konsegwneza li, skont id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, ma setgħux jibqgħu jattendu għal dmirijiethom.
Hu għalhekk li l-unions tal-Pulizija ilhom għal diversi ġimgħat jisħqu li din l-assenza mix-xogħol għandha titqis bħala leave tal-kwarantina u mhux bħala leave tal-mard. Iżda l-Gvern baqa’ jwebbes rasu, minkejja l-ilmenti mressqa mill-unions tal-Pulizija u li issa għaddew ġimgħat sħaħ mingħajr ma ġiet żblokkata s-sitwazzjoni.
Hekk qal il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern Beppe Fenech Adami, fejn innota kif dan kollu wassal biex il-Police Officers Union ġiet kostretta tagħti diversi direttivi lill-membri tagħha. Għal darb’oħra, dan l-atteġġjament ta’ Robert Abela juri bl-aktar mod ċar li llum fil-pajjiż hawn Gvern insensittiv, li mhux jifhem it-tbatija u s-sogru li għaddejjin minnhom il-forzi tal-ordni fil-pajjiż.
Filwaqt li esprima solidarjetà u apprezzament sħiħ għall-ħidma tal-Pulizija f’dawn il-mumenti diffiċli, il-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lil Robert Abela biex ma jibqax iżebblaħ lill-membri tal-Korp u jara li t-talbiet ġustifikati tal-unions ikunu miżmuma immedjatament.
//= $special ?>