Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ jipprova jwaqqaf mistoqsijiet dwar il-power station tal-Electrogas

Permezz tal-Whip Laburista Glenn Bedingfield, il-Gvern qed jitlob ruling fuq il-mistoqsijiet li qed isiru fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) dan bl-iskop li ma jibqgħux isiru mistoqsijiet min-naħa tal-Oppożizzjoni lil diversi xhieda.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina wieġeb li l-fatti huma li d-deputati tal-Gvern qed jipprovaw iwaqqfu l-mistoqsijiet lil ċertu xhieda anki meta x-xhieda jkunu jridu jwieġbu.

Karol Aquilina sostna li mhux minnu li l-Oppożizzjoni qed tistaqsi mistoqsijiet li m’humiex mabuta mal-każ tal-power station tal-Electrogas u sostna li l-mistoqsijiet huma kollha rilevanti u marbuta mal-każ.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li kien se jikkunsidra t-talba tal-Gvern.

Il-Gvern qed joġġezzjona li jsiru diversi mistoqsijiet rilevanti lill-uffiċjal responsabbli mill-power station David Galea, li ammetta li qabel ingħata r-responsabbiltà li jmexxi l-proġett tal-power station kien attenda laqgħa fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista li fiha kienet diskussa l-politika Laburista dwar l-enerġija.

David Galea kien uffiċjal tal-Enemlta fis-settur tar-riżorsi umani qabel ingħata din ir-responsabbiltà mill-ex Ministru Konrad Mizzi. Ix-xhud ammetta wkoll li hu ħabib tal-ex Ministru konrad Mizzi u li taħt Gvern Laburista kien ingħata konsulenzi oħra.

Ammissjoni oħra tax-xhud hi li għandu uffiċċju f’Dubaj, viċin l-uffiċini tan-Noor Bank, fejn il-kumpanija ta’ Yorgen Fenech 17 Black kienet fetħet kont bankarju.

Id-deputati tal-Gvern qed joġġezzjonaw li jsiru dawn il-mistoqsijiet lix-xhieda; mistoqsijiet li għandhom l-iskop li joħorġu l-verità kollha dwar l-iskandlu tal-power station tal-Electrogas.