Lokali Parlament

Il-Gvern qed jikser il-kostituzzjoni u d-dritt għal smiegħ xieraq

Karol Aquilina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina appella lill-Gvern biex jieqaf milli jdaħħal liġi li temenda l-Att dwar l-Interpretazzjoni għax din tikser il-kostituzzjoni u tikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem għal smiegħ xieraq.

Fil-parlament Karol Aquilina qal li l-Ministru tal-Ġustizzja mhux jifhem dak li tgħid il-kostituzzjoni u d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjoni u qed jaqla kundanna wara l-oħra. Hu qal li minkejja dan, il-Ministru tal-Ġustizzja ma jridx jifhem.

Id-deputat Nazzjonalista qal li ħadd ma ddefenda lill-Ministru tal-Ġustizzja; ħadd ma qal li l-Ministru tal-Ġustizzja għandu raġun. Il-Gvern qed iressaq abbozz ta’ liġi magħruf li jmur kontra l-kostituzzjoni għaliex hu ovvju li dan li qed isir hu ħażin.

Karol Aquilina qal li l-Gvern ma jistax jagħmel li jrid u sostna li f’dan l-abbozz il-Gvern se jemenda l-att dwar l-interpretazzjoni. Hu semma’ l-gvernijiet li tul is-snin waqqfu numru ta’ awtoritajiet li għandhom il-poter li jimponu multi ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewros.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-multi amministrattivi sostanzjali li jkunu kunsidrati sanzjoni kriminali u qal li dawn il-multi jwasslu biex ifallu lill-persuni involuti. Għalhekk jiskattaw obbligi legali differenti minn multi amministrattivi. L-akkużati għandhom ikunu ġudikati minn qorti inipendenti u imparzjali.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li d-dritt għal smiegħ xieraq irid jeżisti f’kull stadju tal-proċedura u sostna li l-Gvern ma ħax passi fuq żewġ sentenzi tal-qort importanti u issa rrealizza li jrid jieħu azzjoni.

Karol Aquilina qal li l-Ministru tal-Ġustizzja qed inaqqas id-drititjiet fudnamentali tan-nies u sostna li l-Konvenzjoni Ewroepa tħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati membri biex jagħtu iktar drittijiet liċ-ċittadini tagħhom.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li d-dritt għal smiegħ xieraq minn entità indipendenti u imparzjali hu dritt fundamentali. Hu qal li l-abbozz mhux biss hu abbużiv iżda insolenti fil-konfront tal-parlament u tal-Qorti Kostituzzjonali.

Karol Aquilina semma’ lil Joseph Cuschieri li kien CEO tal-MFSA u li qabel kien imexxi l-Aqtorità tal-Logħob fejn kellu b’kuntatti kbar. Ftit ġimgħat ilu kien żveat li dan aċċetta li jsiefer ma Yorgen Fenech, wieħed mill-operaturi fis-settur fi vjaġġ imħallas minn Yorgen Fenech stess.

Wara ftit Cuschieri kellu jirriżenja wara inkjesta li saret għalkemm din qatt ma kienet pubblikata. Fl-istess waqt li kien fil-kariga u kien qed jabbuża, Cuschieri kien qed jabbuża iżda kellu dritt jimponi l-multi.

Hu semma’ każ ieħor, dak ta’ Heathcliff Farrugia, li kien CEO tal-Awtorità tal-Logħob u li wkoll kien biċċa waħda ma’ Yorgen Fenech tant li offrielu li l-FIAU ma tippubblikax ir-rapport li sar dwar il-kumpanija u offrielu wkoll li jiktiblu r-risposta lill-FIAU. Minkejja dan, Farrugia wkoll kellu r-rwol li jimmulta.

It-tielet każ kien dak ta’ Johann Buttigieg, is-CEO tal-MTA u ex CEO tal-Awtorità tal-Ippjanar; fejn kien jikkomunika ma’ Yorgen Fenech – kif kien ajgħmel il-Ministru stess – u qallu li meta jrid kien jagħmel negozju miegħu.

Dawn huma provi kemm il-Gvern poġġa persuni fl-awtoritajiet biċċa waħda mal-kriminali u kissru l-istituzzjonijiet ta-pajjiż.

Il-Gvern kien kritikat bil-qawwi minn diversi esponenti u awtoritajiet fil-qasm ġudizzjarju fosthom Giovanni Bonello, Anthony Borg Barthet, Tonio Borg, Kevin Aquilina, Austin Benicini u l-Kamra tal-Avukati.

Karol Aquilina appella lill-Gvern biex jieqaf milli jdaħħal liġi li jemenda l-Att dwar l-Interpretazzjoni għax din tikser il-kostituzzjoni u tikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem għal smiegħ xieraq

Il-Gvern għandu jaqsam ir-rwol bejn l-awtorità tal-prosekuzzjoni waqt li tkun il-qorti li timponi d-deċiżjonijiet u s-sanzjonijiet; il-Ministru kważi qed jgħid li m’għandux fiduċja fil-qrati għax jibża’ li n-nies imorru l-qorti.

Hu staqsa min lill-ministru tah il-parir li jressaq il-liġi, min tah il-parir biex iwaqqaf l-abbozz li kien hemm qabel, min hu l-persuna li kiteb iż-żewġ abbozzi, jekk il-kabinet approvax dawn l-abbozzi u jekk hux lest jassumi responsabbiltà politika u jwarrab jekk il-qrati jiddikjaraw li dan l-abbozz jikser il-kostituzzjoni.

Dan hu abbozz ta’ liġi li ma jixraq lil ħadd, sostna Karol Aquilina, li kompla f’soċjetà demokratika dan l-abbozz qatt ma kellu jkun maħsub u jinkiteb.