Lokali Parlament

Il-Gvern tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni COVID f’Għawdex

Chris Said, PN

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal fl-Aġġornament li l-Gvern tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni COVID f’Għawdex.

Chris Said qal li Malta bħalissa għaddejja minn mumenti diffiċli li żgur li parti mit-tort għalih hu ta’ deċiżjonijiet tal-Prim Ministru. Ftit wara li beda t-tilqim kien hemm numru kbir ta’ Għawdxin anzjani, vulnerabbli u frontliners li rċevew l-avviż biex jieħdu l-vaċċin. Numru kbir ta’ Għawdxin għadhom jirċievu biex jieħdu l-vaċċin f’Malta minkejja l-wegħda li dan se jingħata f’Għawdex.

Dan qed joħloq diffikultajiet kbar għall-Għawdxin; il-PN tkellem b’saħħa dwar din is-sitwazzjoni. Il-Prim Ministru serraħ ras l-Għawdxin li l-vaċċin se jingħata f’Għawdex iżda s’issa stess l-Għawdxin qed jirċievu avviżi biex jiġu f’Malta jieħdu l-vaċċin; dan juri li l-Gvern tilef il-kontroll u għandu kaos sħiħ.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li nhar l-Erbgħa li għadda l-Prim Ministru ħabbar miżuri ġodda dwar il-COVID. Dawn tħabbru biss bil-kliem u mhux qed ikunu attwati. Hu semma’ l-miżuri dwar it-traġġitt bejn Malta u Għawdex li suppost issa huma ristretti għall-Għawdxin u għas-servziiz essenzjali.

Fl-aħħar sitt ijiem dan kien biss diskors għaliex m’hemm l-ebda kontroll għaliex qed jistaqsu biss jekk il-passiġġieri humiex Għawdxin. Il-Gvern qed jidħak bl-Għawdxin meta Għawdex seta’ intuża mill-Gvern bħala mudell iżda s-sitwazzjoni ħarbet minn idejn il-Gvern

Id-deputat Nazzjonalista kompla li kellu jkun assigurat li f’Għawdex isir is-swabbing u t-testjiet iżda fil-fatt qed jittieħdu tliet ijiem biex jaslu r-riżultati tas-swabbing.

Ir-riżultati jridu jaslu iktar malajr, sostna d-deputat Nazzjonalista li kompla li l-Gvern ixxaħħaħ mas-saħħa tal-Għawdxin u ma xtarax l-apparat biex it-testijiet isiru malajr f’Għawdex stess.

Chris Said kompla li l-Gvern ixxaħħaħ mal-Għawdxin iżda Steward qed jieħdu l-miljuni waqt li l-Gvern m’obblighomx jixtru l-apparat tas-swabbing u kienu jitnaqqsu r-riskji.

Dwar il-contact tracing, id-deputat Nazzjonalista qal li anki hawn il-Gvern falla għaliex il-contact tracing hi għodda b’saħħitha biex titwaqqaf il-pandemija. Seta’ inħoloq unit appost għall-contact tracing f’Għawdex, sostna Chris Said, li komplda li dan għandu jsir kemm jista jkun malajr.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li hawn sitwazzjoni li fiha l-Gvern seta’ naqqas il-pressjoni minn fuq Malta fil-contact tracing billi jinħoloq mudell f’Għawdex iżda l-Gvern ma nvestiex u ma tgħallem xejn.

Illum hawn l-ikbar ammont ta’ persuni infettati bil-COVID u ammont kbir ta’ nies rikoverati fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan minbarra numru kbir ta’ nies li jisnabu fi kwarantina f’Għawdex.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-każ ta’ vetturi mixtrija mill-Gvern Malti u qal li sentejn ilu l-Gvern xtara sitt coaches li jaħdmu bl-elettriku bil-fondi tal-UE li jiswew €1.8 miljun.

Iktar minn sena ilu dawn waslu f’Għawdex iżda ilhom sena magħluqin f’bitħa ma jintużawx. Sitt xhur ilu l-Gvern qal li dawn se jintużaw fi ftit żmien iżda dan ma seħħx għaliex il-coaches għadhom hemm.

Mhux hekk biss iżda lill-kuntrattur li ġab dawn il-coaches, ftit ġimgħat wara, tawh direct order ta’ €300,000 biex ikunu ikun installati l-apparat li permezz tiegħu jkunu ċċarġajti dawn il-coaches.